Ma niftakarx li xi ħadd qatt qalli din l-espressjoni direttament, iżda jkun hemm min jistaqsini: “imma inti kif titlob?” għax qisu toqgħod tlablab mal-baħħ?? Awtomatikament it-talb narawh bħala xi ħaġa li rridu nagħmlu. Huwa żgur dak li ngħidu meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. Mingħajr ma rridu bħal donnu niftakru f’dak li ġejna mgħallmin bl-amment meta konna żgħar.
Preżenza
Fil-kultura tagħna, aħna dejjem inħossu l-bżonn li nagħmlu xi ħaġa aktar milli nkunu preżenti. Diffiċli għalina li noqogħdu bi kwietna. U anki fejn jidħol it-talb, qisu l-ewwel li jiġi f’rasna hu: x’se nagħmel biex nitlob? Kif nitlob? Iżda t-talb huwa frott ta’ relazzjoni: relazzjoni ta’ mħabba intima ma’ Alla li ħalaqna, iħobbna, u li qatt mhu se jitlaqna weħidna. U għalhekk, ir-relazzjonijiet intimi li għandna ma’ dawk li nħobbu tassew jistgħu jgħallmuna ħafna affarijiet dwar it-talb.
L-aktar element importanti fir-relazzjonijiet intimi hija l-laqgħa ta’ flimkien. Fl-inkontru, l-aktar ħaġa importanti hi li żewġ persuni jsibu l-ħin biex ikunu preżenti għal xulxin. Kemm tinstema’ sempliċi imma kemm nagħmluha diffiċli! Ma niltaqgħux biex nagħmlu xi ħaġa iżda biex inkunu flimkien. Żewġ persuni jsiru ħbieb għax isiru jafu lil xulxin; jiltaqgħu flimkien u jaqsmu dak li huma ma’ xulxin: l-esperjenzi li għaddejjin minnhom, dak li jħobbu jew li jdejjaqhom, memorji, ħolm u xi ikla tajba ma tonqosx lanqas. Iżda fil-ħin li jkunu flimkien, hemm il-kliem u hemm is-smigħ. Ikun hemm id-daħk kif ukoll is-skiet. L-importanti hi l-preżenza ta’ xulxin.
Impenn
Ħbiberija ssir intima skont kemm il-persuni huma lesti li jkunu sinċiera ma’ xulxin u lesti li jħobbu lil xulxin kif inhuma. Biż-żmien tikber aktar il-fiduċja bejniethom. Iżda biex dan iseħħ, hemm l-impenn biex jiltaqgħu flimkien b’mod regolari u kostanti. L-impenn jittieħed għax jitpoġġa valur kbir fir-relazzjoni ta’ bejniethom. U meta jiltaqgħu, il-mobiles jitpoġġew fuq silent mode!
Għat-talb nażżarda ngħid li taħdem l-istess dinamika. L-aktar ħaġa importanti hija li nkun preżenti għal Alla, hekk kif jien, mhux kif nixtieq li jien. Kif huwa preżenti Alla f’ħajti? Kull meta niġi konxja tan-nifs li qed nieħu, meta nilmaħ xi fjura li għadha kemm fetħet f’xi qasrija li għandna, meta nisma’ l-ilħna ta’ dawk li ngħix magħhom, diġà nkun qed nara li l-preżenza tiegħu hija ħajja u attiva.
Ukoll meta ninġabar bi kwieti mal-Kelma tiegħu. M’hemmx għalfejn ħin twil, iżda jgħin meta nżomm l-istess ħin u l-istess post, x’imkien komdu, anki d-dar. Fis-Salmi nsib biżżejjed poeżiji li jesprimu kull sentiment jew sitwazzjoni li nkun għaddejja minnu u jagħtuni l-kliem biex ngħidlu dak li hemm f’qalbi. Fil-Vanġeli, imbagħad, niltaqa’ ma’ Ġesù, il-Maħbub intimu li jurini wiċċ il-Missier. L-importanti huwa li kemm jista’ jkun inkun preżenti biex nisma’ jien ukoll, u li nżomm l-impenn tiegħi għal dawn il-laqgħat miegħu b’mod regolari. Hemm ħafna modi oħrajn, iżda nħalluhom għal darb’oħra. Għalissa dan biżżejjed: post, ħin, Kelma, preżenza.