knisja.mt/ritratti

Hekk sew…il-Knisja tippriedka l-faqar imma fl-istess waqt sinjura!

Ħarġa 207 | Ġunju 2022

Żgur li inti u taqra t-titlu ma kenitx l-ewwel darba li jew smajt din il-kritika, jew inkella kont inti stess li għamiltha…u ngħiduha kif inhi: Jekk Kristu ppriedka u għex il-faqar, għaliex ma nimxux fuq il-passi tiegħu u nagħmlu bħalu wkoll?! Spiss, meta l-Knisja jew xi membri tagħha jgħallmu u jħeġġu favur id-dmir soċjali li ngħinu lill-foqra, ħafna drabi r-risposta tkun: għax ma tbigħx l-affarijiet li għandha l-Knisja, imbagħad tkun tista’ tibda billi tgħin lill-foqra hi.

Huwa veru li l-fidi tagħna timpenjana għall-ħidma favur il-fqar. Il-Knisja trid tibqa’ tfakkarna li Ġesù Kristu għadda ħin twil mal-foqra u l-imwarrbin mis-soċjetà. Għalina l-insara l-ħidma mal-foqra hija memorja ħajja tal-imħabba ta’ Kristu għalina. Imma allura, jekk il-ħidma soċjali u l-għajnuna lill-foqra hija daqshekk fil-qalba tal-fidi tagħna, għaliex il-Knisja għandha tant bini rikk u oġġetti prestiġjużi li tagħmel użu minnhom waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-liturġija? Din m’hix kontradizzjoni?

Għall-bniedem li m’għandux fidi, iva din hija kontradizzjoni u b’hekk jirraġuna li l-Knisja aħjar tbigħ kollox biex tkun awtentika mal-messaġġ li tippriedka. Iżda l-bniedem li għandu l-fidi jagħraf li filwaqt li l-ħidma soċjali u l-qadi tal-fqir u l-batut huma essenzjali għall-għejxien tal-fidi, madanakollu l-bidu tagħhom mhuwiex fl-imħabba tagħna l-bnedmin, iżda fl-imħabba li Alla għandu għalina. Fi kliem aktar sempliċi, in-nisrani jagħraf l-importanza tal-imħabba tal-proxxmu, għax Alla ħabbna l-ewwel. (1 Ġwanni 4,19) Li kieku mhux hekk, kieku ma jkun hemm l-ebda differenza bejn il-Knisja u kull organizzazzjoni oħra li taħdem favur il-ħidma soċjali. Il-Knisja hija l-familja li tgħix l-imħabba, għaliex l-ewwel tagħraf tilqa’ u tiċċelebra l-imħabba ta’ Alla.

Papa Franġisku, f’dokument dwar l-Evanġelizzazzjoni kiteb hekk: 

“Il-Knisja tevanġelizza u tirċievi l-evanġelizzazzjoni mill-ġmiel tal-Liturġija, għax anki din hi ċelebrazzjoni tal-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u għajn ta’ enerġija mġedda biex hi tingħata.” (Evangelii Gaudium, n24)

Nemmen li hawnhekk Papa Franġisku jrid jiftħilna għajnejna biex nagħrfu li l-Liturġija għalina qisha dak il-mutur li jwettaq fina impenn biex ngħixu l-imħabba li nkunu rċevejna u nwassluha għand l-oħrajn. Meta wieħed iħares lejn il-Liturġija bħala s-sors tal-ħajja nisranija, nintebħu illi għalina l-Insara li niċċelebraw il-misteru ta’ Kristu fil-ġmiel tal-Liturġija ma jmurx kontra l-impenn li ningħataw għal ħutna l-batut, iżda għall-kuntrarju jsir l-għajn li twassalna biex ningħataw fil-bżonn.

Din il-verità tħarisna wkoll milli nirriduċu l-knejjes tagħna għal mużewijiet ta’ affarijiet sbieħ li jintużaw waqt il-Liturġija għaliex propju hija l-Liturġija stess li twassalna biex noħorġu u nevanġelizzaw u ningħataw għal ħuna l-fqir u l-batut.

San Ġwann Kriżostmu jikteb: “Sebbaħ lill-Knisja, imma la tinjurax lil ħuk fil-faqar tiegħu.” Kemm nagħraf ningħata għal ħija fil-bżonn, jien li ta’ spiss nieħu sehem fil-ġmiel tal-Liturġija: fit-talba tal-għotja tal-Iben ta’ Alla għalija?

Scroll to Top
Send this to a friend