Komda l-Quddiesa fuq it-TV

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Kemm kienet ta’ wens il-quddiesa ta’ kuljum fuq diversi stazzjonijiet televiżivi għal ħafna eluf li kellhom joqogħdu ġewwa minħabba l-pandemija!  Mhux biss semgħu l-quddiesa imma rawha wkoll!  Kien hemm ħafna li ma kinux imorru l-quddies imma minn darhom bdew isegwu l-quddiesa ta’ kuljum.  Bdew jirċievu l-Kelma ta’ Alla mhux biss miktuba fl-Iskrittura imma spjegata fil-ftit minuti ta’ l-omelija. Din kienet ta’ faraġ u fl-istess ħin ta’ katekeżi għal numru kbir ta’ nies li ma kellhomx l-inklinazzjoni, anki qabel il-pandemija, li jisimgħu il-Kelma ta’ Alla b’regolarità.

Imma issa l-knejjes infetħu.  U reġa’ ġie ċ-ċans li nerġgħu lura biex niċċelebraw il-quddiesa mhux mill-bogħod imma mill-viċin.  Il-quddiesa bit-TV tibqa’ validissima għal ħafna nies li minħabba saħħa jew diżabilità jew ċirkustanzi ta’ pressjoni ta’ ħin, ma jkunux jistgħu jattendu l-knisja.  L-obbligu tal-quddies hu dak ta’ Jum il-Mulej. Quddies ta’ matul il-ġimgħa hu inkoraġġit imma mhux sine qua non biex tgħix ta’ Nisrani.

Fundamentalment, aħna msejħin biex ngħixu fil-ħelsien ta’ wlied Alla li sejħilna biex ngħixu f’għaqda flimkien bħala komunità ta’ midinbin salvati. Alla sejħilna biex ninqalgħu mill-iżolament ta’ ħajja magħluqa fiha nfisha u nieħdu sehem fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu li hi l-Knisja.   Ġesù talab lill-Missier biex aħna li nemmnu nkunu ħaġa waħda, fl-istess għaqda li Hu għandu mal-Missier, ħa nkunu lkoll “ħaġa waħda”.  

Allura, nistaqsi, nistgħu nesprimu din l-għaqda, meta kulħadd jibqa’  magħluq fiċ-ċimiterju eżistenzjali tal-erba’ ħitan ta’ daru? Kif nistgħu ngħixu  l-esperjenza ta’ Ġesù, li jxebbah lilu nnifsu ma’ qroqqa li tiġbor iż-żgħar tagħha taħt ġwenħajha, meta min qiegħed ‘il hinn u min qiegħed ‘il hawn?

Ġesu’ jippreżentalna programm ta’ intimità profonda miegħu u bejnietna.  Il-preżenza tiegħu fil-ħajja tagħna għandha ħafna saffi imma l-quċċata tagħha hi l-Ewkaristija.  Mhux biss immissu l-mantar tiegħu imma nieklu ġismu u nixorbu demmu.  Imma jekk nibqgħu ikkakkmati quddiem it-TV, il-preżenza ta’ Kristu fis-Sagrament qed tasal għandna minn ħames ħġiġiet:  il-lenti ta’ għajnejna, il-lenti tan-nuċċali, il-ħġieġa tat-TV, il-ħġieġa tal-kamera u l-ħġieġa tal-monstrance. 

Kif nistgħu nikkuntentaw irwiehna li nibqgħu ‘l bogħod mis-sinjal li Ġesù ħalaq biex jgħajjixna?  Biex tagħqad, jekk in-Nisrani jassoċja l-preżenza ta’ Ġesù f’ħajtu biss ma’ dawk il-ftit minuti tal-Quddiesa fuq it-TV,  allura din tkun problema ferm akbar jekk il-bqija tal-ġurnata aħna ma nkunux konxji ta’ kemm hu qrib tagħna l-Mulej!

Kemm koppji f’Malta jiċċelebraw b’mod konxju l-preżenza ta’ Ġesù’ fid-dar tagħhom li l-ħin kollu jżomm il-wegħda tiegħu li ‘fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jiena f’nofshom’?

Albert Einstein darba qal “Insanity is doing the same thing over and over again and expecting different results.”  U għalhekk wieħed jistaqsi b’dixxerniment serju: “Jista’ jkun li jekk inkomplu nistiednu n-nies għall-Quddies tas-soltu, allura hemm xi ħaġa nieqsa li jeħtieġ nirranġawha?”

Il-fatt li tmur il-Quddies u tmur bħala wieħed minn folla anonima u mhux bħala komunita’ ta’ nies li jafu ‘l xulxin u jħobbu ‘l xulxin, narah fundamentalment ir-raġuni għala xi nies mhux qed jaraw il-valur li wieħed iqum minn fuq il-pultruna u jmur fiżikament il-knisja.  Jekk jien qalb il-folla nħossni iżolat, allura nibqa’ d-dar iżolat fil-kumdita’ ta’ dari!  L-assemblea ideali ta’ Kristjani li jiltaqgħu flimkien mhix biss li jgawdu mill-grazzji sagramentali imma li, fit-tħaddim tal-kariżmi spiritwali, aħna nibnu lil xulxin.

Kif nista nibnik ħabib jekk int se tibqa’ magħluq waħdek id-dar?

Imma jekk min ilu żmien twil ma jersaq lejn il-knisja se jiġi jittawwal, se jsib min jilqgħu?  Se jsib min jifraħ bih?  Se jsib minn jgħinu fil-mixja ta’ fidi?

Meta l-Poplu t’Alla jibda jkun dak li hu, isir bħal kalamita fejn Kristu Msallab/Irxoxt f’nofsna jiġbed lill-bnedmin kollha lejH.  Jekk il-melħ jitlef imluħitu, għal xiex ikun tajjeb?  

Ejjew nagħmlu ħilitna biex nagħmlu paradigm shift dwar x’għandu wieħed jesperjenza meta’ jiltaqa’ biex jiċċelebra Jum il-Mulej.   Kristu salvani bħala nagħġa mitlufa  mhux biex jitfagħni f’rokna waħdi, imma biex inkun ħaġa waħda  man-nagħaġ li għalihom xerred demmu.

Scroll to Top
Send this to a friend