Mil-lapes taċ-ċkejknin

217| Settembru '23

F’Novembru tal-2021 il-kittieb Ingliż E.O. Higgins poġġa fuq Twitter tpinġija magħmula minn ibnu bil-caption: “My son’s drawing of ‘safe’” (ara paġna 2). Hija tpinġija sempliċi ħafna, bi stil tipiku tat-tfal żgħar. Tirraffigura żewġ irjus ta’ persuni kbar (donnhom fuq imħaded, mgħottijin minn gverta) u figura ċkejkna bejniethom; ilkoll jitbissmu ferħana.

M’hemmx għalfejn tkun kritiku tal-arti biex tifhem is-sinifikat tat-tpinġija. Għall-artist ċkejken li pinġiha, is-sens ta’ sigurtà huwa marbut mal-memorja ta’ dawk id-drabi meta daħal jitgezzez bejn il-ġenituri tiegħu fis-sodda tagħhom, jitfissed ftit. Forsi stenbaħ b’xi ħmar-il-lejl, jew beża’ minn xi ħaġa fid-dlam, u mar ifittex il-wens.

Għat-tfal, ‘safe’ tfisser li tkun maħbub mill-persuni adulti f’ħajtek. Li ssib kenn u mħabba minn dawk li dmirhom huwa li jħarsuk. Li tkun taf li l-ġenituri tiegħek – u figuri oħra ta’ awtorità f’ħajtek – se jieħdu ħsiebek, se jpoġġu l-interessi tiegħek l-ewwel.

Din l-istampa laqtitni fil-laħam il-ħaj meta rajtha l-ewwel darba. Ix-xogħol tiegħi iġibni f’kuntatt ma’ diversi każi fejn – waqt battalja ħarxa tas-separazzjoni ta’ koppja – din ix-xbieha ta’ wens tinqered darba għal dejjem għal uliedhom. L-ulied jispiċċaw biss għodda jew arma biex ġenitur isawwat lill-ieħor; akkużi u allegazzjonijiet serji spiss iwasslu biex xi ġenitur jiċċaħħad minn uliedu għal xhur jew snin sħaħ.

U l-ġenituri li jkunu għamlu dawk l-allegazzjonijiet serji (u spiss foloz) kontra l-eks sieħeb jew sieħba tagħhom xorta waħda jkunu konvinti li għamlu hekk għall-ġid ta’ uliedhom. Kulma qed ngħid jgħodd sew għall-ommijiet u sew għall-missirijiet, ovvjament.

U ara ħadd ma jaħseb li huwa ‘l fuqminn din it-tip ta’ mġieba qerrieda. Taħsbux, per eżempju, li koppja nisranija mhijiex f’periklu li ġġib ruħha hekk. Rajt koppji nsara, membri ta’ prayer groups, movimenti, u komunitajiet, li wettqu ħsara bħal din – u agħar ukoll – fuq uliedhom.

Dan irid iwasslilna żewġ messaġġi. L-ewwel wieħed huwa għal dawk li għaddew jew għaddejjin mis-separazzjoni. It-tkissir taż-żwieġ m’għandux bilfors iwassal għall- mibegħda, ħdura, gideb, u vendikazzjonijiet. Għall-grazzja t’Alla jeżistu ħafna koppji li, għalkemm kellhom jinfirdu, xorta mxew b’rispett lejn is-sieħeb/sieħba tagħhom, u fuq kollox b’imħabba lejn uliedhom.

It-tieni messaġġ huwa wieħed ta’ prevenzjoni. Jekk qatt issib ruħek se tagħti pass – waqt mument ta’ rabja, dgħufija, jew tentazzjoni – li jista’ jipperikola ż-żwieġ tiegħek, ieqaf u aħseb! Jekk mhux f’żewġek jew f’martek, għallinqas aħseb f’uliedek. Aħseb li tista’ tkun int il-kaġun li tkisser dik ix-xbieha ta’ wens u mħabba li huma jixxenqu għaliha. Dik is-sigurtà li għandhom dritt jitrabbew fiha. U jekk hemm bżonn, fittex għajnuna jew terapija minnufih.

Scroll to Top
Send this to a friend