X’tixtieq dal-Milied?

212| Diċembru 2022

Il-Flimkien staqsa tlett gruppi ta’ adolexxenti tal-parroċċi l-mistoqsija: Kieku xi ħadd kellu jaqtagħlek xewqa dal-Milied, xi tkun? Hawnhekk għandna t-tweġibiet li rċevejna (kif kitbuhom huma!) Kif wieħed jista’ jimmaġina dan mhux xi studju xjentifiku, assolutament li le, imma jagħtina tieqa ċkejkna (u li mhux bilfors korretta) ta’ x’inhuma l-aktar xewqat fost uliedna.

Ninnota l-kelma ‘stop’ ħarġet b’mod pjuttost għoli. Jidher li dil-ġenerazzjoni qed tisfidana nwaqqfu numru ta’ affarijiet li forsi drajna bihom (għalkemm jaf idejquna b’mod personali). Naraw attenzjoni biex jitwaqqaf l-abbuż fuq l-ekoloġija (ambjent u annimali), u b’mod b’saħħtu biex jieqfu l-faqar u l-gwerer.

Interessanti wkoll, li ż-żgħażagħ qed jixxenqu għal relazzjoni mal-familja tagħhom. Jixxenqu għal aktar ħin, u ħin ta’ kwalità, ħin ta’ kwiet, kif ukoll li kulħadd jesperjenza l-għaqda u l-għożża tal-familja, anke meta din tkun nieqsa fil-ħajja.

Naraw ukoll li xi wħud jixxenqu għal affarijiet eżistenzjali, b’persuna minnhom titkellem dwar il-bżonn li nkunu aktar konxji tagħna nfusna, waqt li oħrajn tkellmu dwar il-paċi ulterjuri, li ma jkunux lonely, aktar motivazzjoni, u anke biex jiżdied il-fun fid-dinja.

Dawn ix-xewqat taż-żgħażagħ juruna li fost dawk li pparteċipaw jidher li qed jisimgħu l-appell li qasam magħhom il-Papa fi Christus Vivit. Huma jidhru li qed jixxenqu għal affarijiet aktar profondi minn dawk temporanji kif forsi kultant inkunu tentanti li nimmaġinaw li jagħmlu. Żgur, li wara dawn ix-xewqat hemm xewqa aktar profonda għal relazzjoni personali u intima ma’ Kristu. Ġesù huwa l-paċi vera, li fuqu jinbnew l-għaqda u r-relazzjonijiet li għalihom qed jixxenqu, li fi kliem Santu Wistin huwa d-destinazzjoni tat-tfittxija interna. Forsi bla ma kien/et j/taf da/ik il-parteċipant/a li kitbu “li nagħtu kas iktar lil Ġesù” qalu l-akbar verità li setgħu jaqsmu magħna dal-Milied. Kristu huwa verament ħaj u jixtieq li kull żgħażugħ ikun hu ukoll ħaj, u għalhekk hija r-responsabbiltà tagħna li naħdmu maż-żgħażagħ li nfakkruhom f’dil-verità eżistenzjali u essenzjali.

Scroll to Top
Send this to a friend