Għaliex it-toroq tagħna qed jispiċċaw l-għatba taċ-ċimiterju?

211 | Novembru 2022

Bil-valuri tagħna bħala Nsara nagħmlu sew li nitkellmu anki jekk ninħanqu li nitkellmu kontra t-telfien ta’ ħajja sew jekk huma tal-immigranti, sew jekk ta’ trabi fil-ġuf, ta’ ħaddiema fuq il-lantijiet tax-xogħol. Lanqas nistgħu nħarsu n-naħa l-oħra għall-korrimenti u l-imwiet li diżgrazzjatament qed jiġru fit-toroq tagħna… Aktarx li kollha jistgħu jiġu evitati jekk kulħadd ikun responsabbli fit-triq kemm fuq l-istering kif ukoll  ghal kull min miexi fit-triq.

Din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru, diġà kellna 19-il persuna li mietu f’inċidenti tat-traffiku – prattikament persuna kull ġimgħatejn.   Minbarra dan, fl-istess perjodu 235 persuna oħra korrew serjament.

X’qed jiġri fit-toroq tagħna?  Ta’ min hi r-responsabbiltà? X’nistgħu nagħmlu biex it-toroq tagħna jkunu aktar siguri u mingħajr periklu?

Tkellimna mat-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri li spiss jissejjaħ biex jassisti medikament f’dawn l-inċidenti. Stqarr li l-maġġoranza tal-inċidenti li ra setgħu ġew evitati u saħaq li tibqa’ r-responsabbiltà tagħna li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw iktar imwiet u korrimenti. Żied jgħid, “irridu flimkien napprezzaw iktar il-valur tal-ħajja u naġixxu b’mod risponsabbli. Ejja flimkien ngħinu biex ma jkollniex nagħtu iktar aħbarijiet koroh lill-pazjenti, qraba u familjari.”

 Filwaqt li wieħed ma jeskludix nuqqasijiet fil-mod kif inhuma ddisinjati xi toroq tagħna u kif  xi drabi jsir ix-xogħol fihom, dawn mhumiex liċenzja biex  niġġustifikaw xi inċident. Niftakar il-mibki l-avukat Joe Micallef Stafrace li kien espert dwar l-inċidenti tat-traffiku li kien qalli li l-ebda sewwieq ma jista’ jiġġustifika inċident għax it-triq kienet biż-żlieq minħabba x-xita. Ir-responsabbiltà, kien spjegali Dr Micallef Stafrace, hi dejjem tas-sewwieq li jagħmel evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fit-triq qabel jagħfas il-gass.

Ħafna mill-inċidenti gravi li qed nitkellmu dwarhom jiġru minħabba sewqan eċċessiv li jaqbeż il-limitu tal-velocità. Kawżi komuni oħrajn għal dawn l-inċidenti huma l-għejja tas-sewwieq u l-abbuż mix-xorb u d-droga, u kultant in-nuqqas ta’ esperjenza fis-sewqan għaliex il-liċenzja ma tagħmlikx sewwieq tajjeb anki jekk kulħadd jaħseb li huwa l-aqwa sewwieq fid-dinja. Dawn kollha ċirkustanżi li għandhom jiġu evitat! s-sewqan u dawn l-abbuzi ma jistgħu qatt imorru flimkien biex ikollna sewqan responsabbli.

Laqat il-musmar fuq rasu s-Sur Pierre Vella – chairman eżekuttiv tal-kunsill għas-sigurta fis-sewqan fi ħdan Transport Malta meta tlabna l-kummenti tiegħu u qal:.

“Li tikseb il-liċenzja tas-sewqan ma tagħmlikx sewwieq tajjeb u għaqli. Fl-aħħar mill-aħħar kollox jiddependi kif inti tikseb  bil-galbu l-esperjenza fit-triq. Il-karozza tista’ taqdik tajjeb però tista’ tkun arma perikoluża kemm għalik u anki għall- oħrajn.”

B’400 000 karozza reġistrati f’Malta u bit-traffiku fit-toroq tagħna, kompla jgħidilna is-Sur Vella, jista’ iwassal għall- frustrazzjoni li tissarraf f’rabja f’uħud mis-sewwieqa. Dan ukoll jista’ jkun fattur ieħor li qed iwassal għaż- żieda fl-inċidenti.

Il-prudenza, l-edukazzjoni l-għaqal u r-responsabbiltà minn kulħadd jimxu id f’id biex nagħmlu t-toroq tagħna iktar siguri. Inutli li nfittxu l-iskużi, validi kemm huma validi, għaliex dawn bl-ebda mod ma jistgħu jikkonslaw lill-vittmi u lill-qraba tagħhom.  Kulħadd għandu l-parti tiegħu, is-sewwieqa, in-nies fit-triq li għandhom jimxu fuq il-bankini u ma jaqsmux bl-addoċċ, l-awtoritajiet responsabbli għat-toroq u fl-aħħar iżda mhux l-inqas l-entitajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet li jirregolaw is-sewqan.

Scroll to Top
Send this to a friend