Għandhom kuxjenza l-politiċi Maltin?

X’nifhmu meta ngħidu “kuxjenza”? Hija assoluta u ma tinbidilx, relattiva jew timmatura maż-żmien?

Fl-era klassika, Aristotli jikkonkludi li fl-etika hemm linja li twasslek biex tifred lit-tajjeb mill-ħażin. Imbagħad San Pawl uża l-idea tal-kuxjenza bħala vuċi interjuri li tgħinek tagħraf u tagħżel it-tajjeb. San Tumas t’Akwinu saħaq li r-raġuni hija l-pedament ta’ kull azzjoni morali. Min-naħa tiegħu l-Kardinal Newman ikkonkluda li l-kuxjenza tintgħaġen minn dak li jesperjenza l-bniedem u jiddeskriviha bħala ‘l-liġi tal-moħħ’.

Fix-xaqliba l-oħra, Nicoló Macchiavelli jgħid li biex il-politiku jikseb ġieħ u jsalva ġildu m’għandux jiddarras meta jiġi biex juża mezzi immorali biex jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Fl-idea ta’ żmienna iddominata mill-kredu neoliberali, il-kuxjenza sserraħ fuq l-għażliet tal-individwu, dejjem bl-iskop li jtejbulu l-kwalità tal-ħajja. Dawn l-għażliet jittieħdu skont iċ-ċirkostanzi, u għalhekk aktar jiffavorixxu l-politika pragmatika milli dik ideoloġika.

Għal dawn, il-kuxjenza żgur li hija relattiva u mhux assoluta. Imwieżna minn xenarju politiku kkaratterizzat mill-popoliżmu, il-kuxjenza kontemporanja tbarri kull qafas ideoloġiku, reliġjuż u xjentifiku, għax jinteressaha biss mill-gratifikazzjoni istantanja tal-individwu. Dan huwa proċess li jwassal biex wieħed iraqqad il-kuxjenza vera tiegħu.

Milli-istħarriġ li għamilt, kif jaħsbuha l-politiċi tagħna dwar il-kuxjenza?

Dawk intervistati kollha qablu li hija kruċjali. Uħud saħqu li hija meħtieġa biex trażżan l-eċċessi tal-poter għax isservi ta’ tarka kontra kull forma ta’ korruzzjoni. Oħrajn qalu li twassal lill-MP biex jieħu deċiżjoni favur il-ġid komuni, minflok jaġevola l-interessi tal-ftit.

Xi wħud sostnew l-għeruq tal-kuxjenza huma mħawla fir-reliġjon Kristjana. Oħrajn qalu li huwa l-element razzjonali li jikkostitwixxi l-kuxjenza. Kien hemm ukoll min min qal li ma jarax kunflitt bejn reliġjon u razzjonalità: it-tnejn huma importanti.

Għall- politiku nisrani, il-kuxjenza tiddependi biss minn dak li tgħallem il-Knisja?

 Wiehed mill-eks MPs li jistqarr pubblikament li hu nisrani qalli, “Il-kuxjenza tiegħi hija mibnija fuq il-valuri nsara għax fil-ħidma soċjali, politika u ekonomika dawn jagħtu prijorità lill-persuna umana.” Però, irrikonoxxa li hemm għejjun oħrajn li jikkontribwixxu ghall-formazzjoni tal-kuxjenza tiegħu, fosthom it-tagħlim, ir-riċerka u d-dixxerniment tas-sinjali l-ġodda taż-żminijiet.

Liema issues riċenti taħseb li l-kuxjenza lagħbet parti fid-deċiżjonijiet li ttieħdu?

Il-Membri Parlamentari semmewli diversi każijiet riċenti. Fost dawn hemm,  

        il-liġi tad-dritt tad-divorzju;

        l-introduzzjoni tad-dritt tal-IVF u t-twessigħ riċenti tal-liġi oriġinali tagħha;

        il-liġi tal-koabitazzjoni;

        il-kriżi tal-Panama Papers fejn kienu implikati politiċi Maltin;

        il-governanza t-tajba u allegati każijiet ta’ korruzzjoni;

        It-tneħħija ta’ maġistrat mill-ħatra tiegħu;

        iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess;

        il-vot dwar ir-ratifika fuq id-Dikjarazzjoni ta’ Istanbul li ma tatx protezzjoni lit-tarbija fil-ġuf.

Taħseb li l-politiku Malti huwa liberu li jmur kontra pożizzjonijiet tal-partit tiegħu li jidhirlu li jmorru kontra l-kuxjenza tiegħu?

Le! Skont l-eks MPs li tkellimt magħhom, il-pressjoni biex tinġibed il-linja tal-partit waqt il-votazzjoni fil-Parlament hija kbira wisq. Min jissogra ma jiġbidx il-linja  għandu l-akbar probabilità li jisfa emarġinat u umiljat. L-uniku arma li jifdallu hi li ma jerġax joħroġ.

 Hawn persuni li jaqblu mal-pożizzjonijiet kollha ta’ partit politiku “tagħhom”, apparti waħda jew tnejn li jmorru kontra l-kuxjenza tagħhom, ngħidu aħna l-abort, jew iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess.  Dan kif qed jaffettwa x-xenarju politiku?

Din hija realtIl-kuxjenza fil-Parlament: kif jaħsbuha jagħtu  ma fl-aħħar mill-aħħar il-kontijiet iridu jitħallsu.oing voluntary work t sentejà li teżisti tabilħaqq. Meta nivvutaw, nivvutaw fuq manifest sħiħ. Issa jista’ jkun hemm wegħdiet speċifċi li magħhom ma naqblux. Għalhekk qed tikber il-probabilità li jkollna partiti żgħar li jkollhom udjenza iżjed selettiva mill-partiti l-kbar billi jiffukaw fuq issues partikolari biss. Nemmen li x-xenarju politiku Malti mhux se jibqa’ ddominat minn żewġ partiti kbar kif inhu bħalissa, u s-sinjali ta’ dan huma diġà hemm!

Kemm taħseb li l-konvinzjoni hija diffiċli biex il-politku Malti jipprattikaha fil-kuntest lokali? Politku hu obbligat dejjem li jiġbed il-linja tal-partit? Ghandu dejjem iżomm mal-kuxjenza tiegħu? Hekk lok għal kompromess bejn dak li jħoss fil-kuxjenza tiegħu u bejn dak li jrid minnu l-Partit jew il-kostitwenti tiegħu?

Dawn huma xi ftit mit-tweġibiet li tawni l-eks MPs Maltin f’dak li għandu x’jaqsam mal-lealta lejn il-kuxjenza, il-partit u l-elettorat.

Wieħed għandu dejjem jivvota skont il-kuxjenza u li tkun kompatibbli mal-policies tal-partit. (MP1)

L-ewwel lealtà lejn is-sewwa. Imbaghad il-priorità hija r-responsabilità ministerjali, partikolaremt lejn in-nies li għalihom kont responsabbli. Però qatt ma ħassejthom f’kunflitt dawn it-tlieta (MP2)

Il-ħajja tal-politiku hi miżgħuda bil-kompromessi. Hemm fejn tista’ tagħmilhom u hemm fejn le, partikularment fejn jidħlu red lines. Il-kompromess mhux ħażin fih innifsu, però ma’ xi ħaġa intrinsikament ħażina, ma tistax tagħmlu. (MP3)

Hija taqbida kontinwa għalija. Bejn il-partit, il-kostitwenti u l-kuxjenza, il-priorità tiddependi fuq l-issue. Fejn hemm issue li tmiss red line, il-kuxjenza tiġi l-ewwel. (MP4)

Irid ikollok lealtà lejn il-partit, imma m’għandekx tibża’ tieħu pożizzjoni f’isem il-kuxjenza. L-importanti hu li n-nies ikunu jafu fejn huma miegħek u li int nadif u mhux approachable għal skorretezza. (MP5)

Il-lealtà lejn il-kuxjenza għalija tiġi l-ewwel, però jkollok tagħmel il-kompromessi. Jien kelli nagħmel xi ftit kompromessi, imma kull kompromess li għamilt, dejjaqni. Ma ħassejtnix komdu. (MP6)

Scroll to Top
Send this to a friend