Il-korruzzjoni f’għajnejn il-poplu

216| Ġunju 2023

Tgħid il-Maltin jaqblilhom jgħixu f’ilma mdardar?

Il-Maltin, bħall-bqija tal-popli, jisimgħu ta’ kuljum fuq il-korruzzjoni. Min bagħbas fil-kuntratti tal-Gvern. Oħrajn ingħataw impjieg għax tal-qalba. Min fetaħ kontijiet sigrieti fuq in-naħa l-oħra tal-globu biex jeħles mit-taxxa, jew ma mexiex skont il-proċedura tal-meritokrazija u kontabilità. Dan biex ma nsemmux gaffati kbar fil-governanza, il-finanzjament tal-partiti, ir-relazzjoni bejn il-politiku u n-negozjant, l-għoti ta’ permessi dubjużi għall-iżvilupp, il-ħasil tal-flus u l-użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

L-għażla tal-vot

Dawn il-ġrajjiet mhumiex fenomenu ta’ issa u ta’ hawn , imma ilhom jikkaratterizzaw il-ħajja pubblika sa minn żmien żemżem. Kull fejn hemm il-poter se ssib il-korruzzjoni. Ma ninsewx li bin Alla nbigħ għal tletin biċċa tal-fidda. Awl il-lejl tal-Ġimgħa l-Kbira niċċelebraw l-aktar lejl korrott fl-istorja tad-dinja. Mil-lenti ta’ pajjiżna, kull partit fl-oppożizzjoni jwiegħed li – jekk il-poplu jafdah biex imexxi -jeħlisna ‘mit-tiranija tal-korruzzjoni’, ‘il-ħbieb tal-ħbieb’, inkella ‘mix-xibka ta’ ħażen’ li ħakmet lill-Gvern. B’danakollu, l-esperjenza turina li l-Maltin ma jibbażawx l-għażla tal-vot fuq kemm il-partit fl-oppożizzjoni hu nadif jew le, inkella jekk it-track record tal-partit fil-gvern hux imnawwar jew safi. Il-vot jintefa’ fuq kunsiderazzjonijiet oħrajn, mhux l-inqas fuq is-serħan tal-moħħ mil-lat li r-rota ekonomika tibqa’ ddur u tirrendi l-flus fil-kartiera tal-individwu.

L-idjomi jikxfu l-għawar

Fil-konfront tal-korruzzjoni, il-Maltin għandhom pożizzjoni ambivalenti u pragmatika. Sekli twal ta’ okkupazzjoni barranija għallmu lill-Malti biex jilħaq kompromess ma’ min hu fil-kmand u jara kif jirranġa biex jgħix bla ma jdardar l-għajn li jrid jixrob minna, inkella jirrestrinġi ruħu biex ibus l-id li jixtieq maqtugħa. Dawn is-sentimenti u attitudnijiet jissoktaw joħolqu kultura ta’ omertà anki fost il-popolin li jgħattu xtur l-elit. Rajt ma rajtx u smajt ma smajtx biex ma tagħlix, u ħallih il-baħar ħa jħabbat basta norqdu llejla fuq stonku mimli u għada nisbħu għax-xogħol.

L-aġir fil-moħbi

Mhux talli hekk, talli l-poplu dara jgħix ta’ tallab quddiem il-politiku u l-politiku huwa għajjur li ma jitlifx il-patrunaġġ li rabba’ anki bis-saħħa tas-sistema elettorali li ħallewlna l-Ingliżi. Filwaqt li fil-pubbliku, ħadd m’għandu problema biex jikkundanna l-korruzzjoni fil-prinċipju imma, imbagħad, fil-moħbi ħafna nies jirrikkoru għand il-politiku jew xi ras kbira biex iqabbżu l-kju fl-istennija għall-isptar, inkella biex jakkwistaw post mal-Gvern għat-tifel jew għat-tifla tal-kuġina. Oħrajn iqabbdu lil xi kaħħal jew bajjad u jħallsuh fuq l-idejn biex jiffrankaw il-ħlas tal-VAT. Il-moralità fiskali hija batuta f’Malta għax l-evażjoni tat-taxxa hija mifruxa kemm fost il-kbar u kemm fost iż-żgħar. Din il-problema tissemma’ f’kull baġit annwali bl-isperanza li l-Gvern jiġbor flusu. Huwa minnu li kulħadd se jipprova ‘jiffranka lira għall-familja’, jekk tiġih ix-xoqqa f’moxtha. U la Ċesri m’għadu jingħata dak li huwa tiegħu bi dritt, u wisq anqas Alla m’għadu jingħata dak li hu tiegħu bi mħabba. Meta tara dan kollu, ma tagħtinix tort jekk nikkonkludi li l-Maltin donnhom draw jgħixu f’ilma mdardar!

Scroll to Top
Send this to a friend