Ħafna drabi, kull negozju jibda minn persuna waħda jew numru żgħir ta’ persuni li jkollhom ħolma li jibdew negozju ġdid. Din tkun ibbażata fuq esperjenzi passati jew xi attività li wieħed ikollu passjoni u interess fiha.
Madankollu, wieħed mill-ewwel jirrealizza li nibdew niffaċċjaw ċertu sfidi. U għalhekk, irridu nippreparaw ruħna għalihom u naħsbulhom minn qabel.
Dejjem żomm f’moħħok li l-aħjar prodotti jew servizzi huma dawk li b’xi mod jiffaċilitaw il-ħajja tal-konsumatur. Klijent jakkwista prodott jekk dan itejjiblu ħajtu jew għax inaqqaslu l-ħin u l-isforz biex iwettaq xi ħaġa. Mela kun lest biex timmodifika u tbiddel l-idea oriġinali skont l-ewwel indikazzjonijiet li jagħtik is-suq.
Żball komuni huwa li fil-bidu naħsbu li l-ħsieb tagħna għandu jaħdem bilfors u b’hekk wieħed ma joqgħodx għajnejh miftuħin biżżejjed għas-sinjali li jagħtu l-ewwel klijenti b’konsegwenza li wieħed jibqa’ dieħel fi sqaq bla tarf, u meta wieħed jintebaħ jaf ikun tard wisq.
L-esperjenza turi illi jekk il-ħsieb wara n-negozju ġdid ikun tajjeb u meqjus, u jekk lest taħdem bis-sħiħ, il-mod kif tibda mix-xejn jinstab. Ħafna huma l-eżempji ta’ negozji li bdew mix-xejn: property developers li bdew bħala estate agents, jew hairdressers, beauticians, artisti u nies tas-snajja’ li bdew joffru servizzi fid-djar jew mid-dar sakemm tellgħu l-kapital neċessarju biex jagħmlu pass aktar maġġuri.
F’din il-fażi, wieħed m’għandu qatt inaqqas l-importanza ta’ business plan, normalment imfassal għal medda ta’ ftit snin.
Finalment, xieraq insemmu li llum jeżistu diversi tipi ta’ finanzjament – minn skemi ta’ self minn banek sa investituri privati magħrufa bħala angel investors jew venture capitalists. Dawn ħafna drabi jkunu jridu jinvolvu ruħhom fin-negozji sabiex jagħmlu tajjeb għar-riskju li jkunu qegħdin jidħlu fih.
Sagrifiċċju kontinwu
Xejn ma jaqa’ mis-sema! Li tibda negozju ġdid mhu faċli xejn. Ibqa’ pożittiv u kun lest għal sagrifiċċji kontinwi. Bħal per eżempju, fil-bidu wieħed jieħu paga baxxa biex ma jitnixxifx il-cash flow, ikollok aktar minn rwol wieħed sakemm tibni struttura robusta, u tinvesti ħafna ħin biex tibni r-reputazzjoni tal-operat. Trid tipprijoratizza ħajtek u tkun lest li titgħallem biex tasal.
Min jiftaħ negozju biex jaħrab mill-impjieg jew biex (mingħalih) jiddeċiedi hu meta u fi x’ħin jaħdem, bl-akbar probabbiltà jispiċċa jfalli. Fl-aħħar u mhux l-inqas, qis li ssib ħin għalik innifsek u dawk qrib tiegħek u ma tħallix li tispiċċa bla ħajja! Il-ħajja qasira wisq. U matul din l-avventura dejjem żomm mal-valuri tal-integrità u l-onestà.
Jekk xi qarrejja jkunu jixtiequ jressqu mistoqsijiet jew jitolbu xi parir, jew li jiktbu dwar xi temi relatati mal-qasam, jistgħu jibagħtu imejl fuq [email protected]