knisja/mt/ritratti

It-tħejjija għaż-żwieġ: Formazzjoni kontinwa sa miċ-ċokon

209 | Settembru 2022

Ħerġin minn sajf b’xhur ippakkjati b’ċelebrazzjonijiet ta’ koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ. Intant, wara s-sajf, hija prassi li jibdew diversi korsijiet bi tħejjija għaż-żwieġ nisrani, organizzati mill-Moviment ta’ Kana. Biex inkun ċar, qed nikteb u nikkwalifika ż-żwieġ bħala nisrani, il-għaliex s’issa huwa min jiżżewweġ bil-Knisja li hu obbligat jagħmel xi forma ta’ tħejjija qabel jiżżewweġ, irrispettivament mill-kwalità tal-kors innifsu li mhix l-iskop ta’ dan l-artiklu.

Żjieda fiż-żwiġijiet ċivili

Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed jiżdied in-numru ta’ koppji Maltin li jagħżlu li jiżżewġu biss ċivilment u mhux bis-sagrament taż-żwieġ. Realtà oħra rilevanti tinkludi l-bidla fil-liġijiet Maltin li tippermetti żwieġ bejn koppji tal-istess sess, u l-liġi tal-koabitazzjoni. Biex ma nsemmux li wara l-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju, dawk li kienu separati setgħu jiddivorzjaw u jerġgħu jiżżewġu, però dan biss biċ-ċivil.

It-tħejjija għaż-żwieġ: bżonn jew burokrazija żejda?

Fis-snin li fihom kont attivament involut fil-ġurnaliżmu, niftakarni naħseb ngħajjat dwar il-bżonn li l-Istat, bħall-Knisja, jinvesti fit-tħejjija tal-koppji għaż-żwieġ, partikolarment fil-każ taż-żwiġijiet ċivili li sal-lum ma jeħtieġu l-ebda preparazzjoni. 

F’għajnejja, it-tħejjija jkollha għadd ta’ għanijiet, fosthom li l-koppji jifhmu sew x’għażliet ikunu qed jagħmlu; jagħrfu sew x’iridu minn ħajjithom u li jkunu kapaċi jirriflettu fuq il-valuri tagħhom, x’jifhmu bihom, u kif ikunu lesti jinnegozjawhom ma’ sieħeb/sieħba f’relazzjoni. 

Il-fatt li sal-lum ma sar l-ebda investiment serju f’dan, x’jirrifletti? Jekk tiddgħajjef il-familja bħala istituzzjoni, mhijiex allura dgħajfa s-soċjetà? Minnu jew mhux li l-familja hi għal qalbna? Huwa dan kollu bżonn jew burokrazija żejda? 

Kors qabel iż-żwieġ jew formazzjoni kontinwa sa miċ-ċokon?

Bħala Psikoterapista tal-Familja llum nistaqsi kemm jagħmel sens sempliċiment kors ta’ tħejjija qabel iż-żwieġ u daqshekk, jew agħar minn hekk tħejjija ta’ xejn. Nemmen li t-tħejjija trid tibda sa miċ-ċokon. Hekk tkellem ħafna drabi l-Papa Franġisku! 

Quddiem soċjetà li saret inqas reliġjuża b’realtajiet u attitudnijiet differenti dwar iż-żwieġ, nemmen bis-sħiħ f’tagħlim fl-iskejjel u miż-żgħorija b’suġġetti li jduru speċifikament mal-familja. 

Ilkoll tfal u ġenituri irridu nibqgħu nitgħallmu dwar xi tfisser l-imħabba; kif nisimgħu u nifhmu lil xulxin; kif inċedu u mhux dejjem tgħaddi tagħna; xi jfisser li naħfru u nfittxu fejqan; li nieħdu impenn u  nkunu leali lejn xulxin, li nirrispettaw id-differenzi u “niġġieldu” mingħajr ma nweġġgħu lil xulxin; u  kif, meta jkun hemm  bżonn, infittxu għajnuna professjonali.   

Nemmen ukoll f’terapija tal-familja ġol-iskejjel. Mal-iċken sintomi ta’ problemi fl-imġiba tat-tfal, li ħafna drabi tkun tirrispekkja l-qagħda fid-dar, minflok ma jintbagħtu biss it-tfal għand il-counsellor, għandu jsir xogħol terapewtiku mal-membri tal-familja kollha. 

Għall-ġid tas-soċjetà, neħtieġu li minflok ma nibqgħu nħarsu lejn il-bżonnijiet tal-individwu, nibdew inħarsu lejn il-bżonnijiet tas-sistemi, cioè tal-familji sħaħ. Dawn huma s-soċjetajiet u l-ġenerazzjonijiet ta’ għada.

Scroll to Top
Send this to a friend