Photo by Luis Galvez on Unsplash

Staqsi lill-psikologu

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Ir-raġel qed ibati bid-dipressjoni. M’għadux ifittixni. Ma nistax naċċettaha.

Persważ li kulħadd jaf li meta jkun hemm każ ta’ dipressjoni din taffettwa mhux biss lill-persuna konċernata imma wkoll lil dawk li huma qrib tagħha.

Madwar 17 fil-mija tal-popolazzjoni, xi darba jew oħra fil-ħajja tagħhom jgħaddu minn żmien ta’ dipressjoni. Meta wieħed mis-sieħba jsofri minn dipressjoni, ir-relazzjoni tista’ tbati ħafna.

 Individwi li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ dipressjoni ġeneralment iħossuhom maqtugħin min-nies ta’ madwarhom. Iħossuhom li m’għandhomx biżżejjed enerġija biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum bħal jieħdu ħsieb tagħhom infushom, imorru għax-xogħol u joħorġu.  Dan jista’ faċilment iwassal biex is-sieħeb l-ieħor li mhux għaddej minn żmien dipressiv iħossu li mhux maħbub, m’hemmx attrazzjoni u interess fost sentimenti u ħsibijiet oħra.  Huwa għalhekk faċli li tinterpreta l-burdata dipressiva ta’ żewġek ma’ ostilità u bruda jew li tilef l-interess fik.

Huwa komuni li nies bħalek isibuha diffiċli biex jifhmu għaliex il-persuna li tant iħobbu tkun qed taġixxi b’mod stramb, titlef l-abilità li ssegwi dak li jkun għaddej u ma tifraħx f’mumenti  sbieħ. F’dawn il-mumenti diffiċli huwa tajjeb li tiftakar li dawn huma sintomi normali tal-kundizzjoni u li żewġek m’għandux kontroll totali fuq l-imġiba tiegħu.

 Minn perspettiva klinika, huwa ċar li d-dipressjoni għandha t-tendenza li taffettwa kull sistema fil-ġisem tagħna. Dan l-effett huwa l-iżjed evidenti fejn jidħol l-irqad. Huwa komuni li l-persuna titlef in-normalità u r-regolarità li hi kellha f’dan l-aspett, u b’hekk issib min jorqod iżjed milli suppost, min jorqod inqas, u min ikollu lejl imqalleb ħafna.

Imma apparti mill-irqad, kull attività li għandha bżonn l-enerġija, spontanjetà u kordinazzjoni tajba, inkluż l-attività sesswali, tista’ tiġi influwenzata mid-dipressjoni. Sfortunatament, ħafna individwi li qegħdin iġarrbu d-dipressjoni jitilfu l-aptit u l-interess fis-sess. 

Imma dan mhux dejjem ikun il-każ. Xi nies jirnexxilhom iżommu l-ħajja sesswali tagħhom intatta, allavolja jkunu għaddejjin minn żmien iebes. Xi kultant anki jiskopru li s-sess ikun, għal xi wħud, l-unika attività li tagħtihom gost u affermazzjoni psikoloġika. 

L-esperjenza turina li fl-irġiel, l-għeja u s-sentimenti ta’ nuqqas ta’ tama huma ġeneralment assoċjati ma’ nuqqas t’aptit sesswali u anki problemi fl-erezzjoni tal-pene. Mill-banda l-oħra, fin-nisa d-dipressjoni hija assoċjata ma’ nuqqas t’interess fl-attivitajiet sesswali kif ukoll fid-diffikultà li jilħqu l-orgażmu (li huwa l-qofol u l-milja tat-tweġiba sesswali femminili).

Ħafna minn dawn il-problemi għandhom it-tendenza li jonqsu meta l-persuna li tkun issofri mid-dipressjoni tibda tmur għall-aħjar, saħansitra anki l-interess sesswali jista’ jkun l-ewwel sinjal bikri li l-persuna qed tirkupra mid-dipressjoni.

Minn dak li għedt int, li kellkom żwieġ feliċi, jindika li r-relazzjoni tagħkom hi b’saħħitha. Għalhekk, kuraġġ! Kompli agħmel il-parti tiegħek fil-fejqan tad-dipressjoni ta’ żewġek. Relazzjoni tajba u soda hija terapewtika għal xi ħadd li jkun għaddej minn dipressjoni. Żewġek għandu bżonn ħafna sapport u mħabba iżjed minn qatt qabel U dan se jgħin ħafna biex ir-relazzjoni tagħkom taqleb għall-aħjar.

Jekk tħoss li għandek problema u tixtieq l-għajnuna ikteb

Scroll to Top
Send this to a friend