Ħafna jsaqsuni jekk huwiex possibbli li ttejjeb il-ħajja sesswali tiegħek. It-tweġiba hija iva. Biex tagħmel dan huwa essenzjali li tkun taf aktar dwar l-imħabba u b’mod aktar ġenerali u bażiku dwar l-aptit sesswali. Ippruvajt niġbor il-kumplessità ta’ dan is-suġġett fi ftit punti qosra.
Komunikazzjoni sesswali
Li titkellem dwar is-sess huwa importanti daqs li tagħmel is-sess innifsu. Jgħinek tifhem dak li verament trid u tibni l-lingwa li permezz tagħha tista’ tikkomunikah. Jekk m’intix komdu titkellem b’mod miftuħ u onest dwar is-sess mas-sieħeb/sieħba tiegħek, se jkun diffiċli għalik li taqsam ix-xewqat tiegħek jew li titkellem dwar it-tħassib l-aktar profond tiegħek.
Tiġġudikax il-preferenzi jew il-fantasiji tas-sieħeb tiegħek
Jista’ jkun li mhux dejjem taqbel mas-sieħeb/sieħba tiegħek dwar dak li hu eċċitanti għalih/ha, iżda li tiġġudikah/a għall-fantasiji tiegħu/tagħha ma jagħmilx ġid ghar-relazzjoni.
Jekk il-partner tiegħek togħġbu xi ħaġa li ma togħġbokx, toqgħodx toħloq mistħija meta titkellem dwarha mieghu. Bħal f’kull tip ieħor ta’ komunikazzjoni, huwa vitali li tħossok sigur titkellem dwar is-sentimenti u x-xewqat tiegħek, mingħajr ġudizzju. Jekk is-sieħba tiegħek titkellem dwar xi ħaġa li ma tħobbx u ma tridx tipprovaha, kun ġentili u onest dwarha. Jekk, mill-banda l-oħra, ma tiddejjaqx bl-idea, ħu r-riskju u prova esperimenta! Dan ma jfissirx li għandek tħossok obbligat li tagħmel xi ħaġa li verament ma tħossx li ghandek tagħmel.
Tħallix ħafna iż-żmien jgħaddi bir-riskju li l-problemi sesswali jmorru għall-agħar
Ħafna nies iħallu l-problemi relatati mas-sesswalità tagħhom jibqgħu sejrin għall-agħar għal xhur jew snin, mingħajr ma jfittxu soluzzjoni jew rimedju: aktar ma titfittex l-għajnuna malajr aktar iċ-cans li tissolva jkun ogħla.
Tiħux is-sess bis-serjetà wisq
Is-sess tajjeb huwa pjaċevoli u jkollu element ta’ logħob (dik li bl-Ingliz tissejjaħ “playfulness”), għalhekk meta tgħaddu minn żmien li s-sess isir monotonu jew spjaċevoli, ippruvaw aħsbu b’mod kreattiv x’tistgħu tagħmlu. Li tipprova xi ħaġa ġdida tista’ żżid il-gost u l-eċċitament għall-ħajja sesswali tagħkom: pożizzjoni ġdida, dwal romantiċi, fwejjaħ, iżjed tgħanniq, bews u attenzjoni għax-xewqat ta’ xulxin… il-possibbiltajiet huma bla tmiem. Importanti li flimkien tiddiskutu xi jfisser għalikom il-pjacir sesswali u kif tistgħu tesperjenzaw l-iżjed il-pjaċir sesswali u forsi permezz ta’ dan l-att tistgħu tħossukom iżjed rispettati u maħbuba.
Tagħmel xejn li jġiegħlek tħossok skomdu
Il-bażi ta’ ħajja sesswali aktar sodisfaċenti hija din: tisfurzax lilek innifsek tagħmel affarijiet li ma tħossx li għandek tagħmel jew li saħansitra jagħmluk tħossok skomdu. Oħloq ambjent sigur u komdu li fih tesploraw is-sess flimkien.
L-iskumdità u l-mistħija (shame) huma l-ewwel affarijiet li għandek taħdem biex tipprova telimina mir-relazzjoni sesswali tiegħek.