Dun Luke Seguna – Kappillan ta’ Marsaxlokk
Jien twelidt f’Ħal Tarxien fl-1983. Qaddist fl-2009 fl-età ta’ 26 sena. Meta kont żgħir xtaqt insir arkeologu u aktar tard bdejt naħseb biex insir perit. Imma qatt m’għedt li ma nsirx qassis! Ta’ tifel u adolexxenti kont immur il-knisja kull filgħodu u kelli ħafna eżempji sbieħ minn diversi saċerdoti fosthom Fr Peter Serracino Inglott u Dun Ġużepp Vella. Kien darba minnhom, waqt mument ta’ talb, li tassew ħassejt is-sejħa speċjali li nsir saċerdot.
Servejt bħala djaknu fiż-Żurrieq u meta ordnajt fl-2009 servejt f’Ħaż -Żabbar u r-Rabat. F’dawn il-parroċċi rċevejt ħafna tagħlim u inkoraġġiment mill-kappillani ta’ dawn il-parroċċi. Sitt snin ilu bdejt inservi f’Marsaxlokk bħala kappillan.
Normalment inqum għall-ħabta tal-5:00am ħalli nkun nista’ nagħmel il-ħin ta’ talb personali tiegħi u nippjana l-ħidma ta’ matul il-jum. Meta ma jkollix impenji immedjati nħobb immur xi ġirja jew dawra bir-rota. Meta naqqsu s-saċerdoti sfortunatament kelli nnaqqas l-ammont ta’ quddies, u l-ewwel quddiesa hija fit-7.45 am. Hawnhekk jiftħu l-knisja l-voluntiera għax m’hawnx sagristan full-time. Il-parroċċa għandha segretarja li tagħmel ħafna xogħol tal-uffiċċju u xogħol ieħor amministrattiv. Dan iħallili ħin għal ħidmiet oħra pastorali bħal, ngħidu aħna, żjarat tal-morda u oħrajn li jkollhom bżonn jiltaqgħu miegħi.
Ħafna drabi nsajjar jien – it-tisjir iservini ta’ rilassament u nipprova nkun kreattiv kemm jista’ jkun. Ġeneralment, nhar ta’ Ħadd niekol mal-ġenituri tiegħi u ma’ ħuti.
Inħoss li għandi nagħti importanza kbira lill-preparazzjoni tal-omelija tal-Ħadd. Kull nhar ta’ Tnejn nipprepara dik tal-Ħadd ta’ wara. Kultant jinqalgħu ċirkostanzi matul il-ġimgħa li jgħinuk biex tagħmilha aktar rilevanti. Inħobb infittex ukoll il-kuntest bibliku tas-silta. Dan jgħinek biex tifhem aktar x’kien il-messaġġ li Ġesù ried iwassal u kif japplika għal ħajjitna llum.
Għalina s-saċerdoti, jekk ma jkunx it-talb allura nsiru funzjonarji. In-nies il-ħin kollu jarawna dejjem impenjati bil-ħidma tagħna, imma aħna ma nistgħux nagħmlu “suċċess” jekk ma nkunux persuni ta’ talb. Hemm, imbagħad, it-talb għalina mill-komunità – dan tassew jedifikani meta nkun naf li hemm parruċċani u oħrajn, nies sempliċi imma ħafna drabi ta’ fidi kbira, li naf li jitolbu għalija.
Jien insostni wkoll li jekk tajt kelma lil xi ħadd li se nitlob għalih allura għandi nagħmel minn kollox biex dan nagħmlu. Illum sirt saħansitra nagħmel lista ta’ dawk il-persuni jew sitwazzjonijiet li għandi nitlob għalihom.
Għandi diversi ħbieb li jfissru ħafna għalija. Ma’ xi wħud inħobb noħroġ magħhom xi dawra bir-rota. Imbagħad kull nhar ta’ Tnejn hemm grupp ta’ saċerdoti li nqattgħu ftit ħin flimkien. Allaħares ma jkunx dan is-sapport għaliex kieku l-ħajja tkun wisq aktar imdallma. Għalkemm is-safar inħobbu ħafna, għall-vaganzi tiegħi m’hemmx għalfejn insiefer. Inħobb ħafna l-land rovers u l-muturi. Dawra bihom tirrilassani immens. Għandi wkoll kollezzjoni żgħira ta’ muturi. Inħares lejhom biżżejjed għalija!
Ftit ilu kelli funeral u xi ħadd qalli: ‘kliemek niżel bħal balzmu għall-familja kollha mġarrba!” Kliem bħal dan jimlieni b’ħafna inkoraġġiment għax inħoss li qed inkun ta’ ġid għal ħaddieħor.
Il-ġurnata tiegħi tispiċċa għall-ħabta tal-11:00 pm. Il-ħidma ta’ kappillan mhijiex waħda faċli imma meta tkun għamilt dmirek sewwa, l-irqad jiġi malajr waħdu.
Parir li rċevejt u li nħobb nagħti: Kun devot tas-Santa Perseveranza!