Fr Reuben Micallef

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Rxoxt – Pembroke

Fr Reuben twieled fl-1977 f’Raħal Ġdid u tgħammed fil-parroċċa ta’ Lourdes tal-istess lokalità nhar it-8 ta’ Settembru 1977. Ta’ 21 sena, daħal is-Seminarju u ġie ordnat saċerdot fl-2005 u beda jservi ta’ Viċi Kappillan fil-parroċċa ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid. Fl-2008 nħatar kappillan tal-Imtarfa u fl-2012 inħatar Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ Bormla. Fl-2017 inħatar kappillan tal-parroċċa ta’ Pembroke, li għandha popolazzjoni ta’ 4,000 persuna.

Filgħodu nqum għall-ħabta tas-5:45am u nibda l-jum billi naqra l-Vanġelu tal-ġurnata, nitlob il-Liturġija tas-Sigħat u nagħmel il-meditazzjoni.  L-ewwel xarba li nieħu filgħodu huwa l-ilma! Wara, meta jkun meħtieġ nagħmel xi faċendi ta’ malajr. Matul il-ġimgħa niftaħ il-knisja kuljum fit-7.45 am sabiex fit-8:00am nagħmel Adorazzjoni man-nies. Wara nqaddes fit-8:30 am.  Mhux l-ewwel dabra li jkolli nerġa nqaddes filgħaxija. Wara l-quddiesa nieħu l-kolazzjon, ftit te u xi croissant.

Bħala kappillani jkollna ħafna ħidma ta’ amministrazzjoni li jeħdulek ħafna mill-ħin tal-jum. Xi ġranet oħra jkolli laqgħat bħall-assembly tat-tfal tal-iskola, it-tqarbin tal-morda u żjarat lil persuni li jkollhom bżonn jitkellmu. Xi drabi oħrajn ikolli qadi ieħor marbut mal-ħidma Parrokkjali. Filgħodu jkollna wkoll attivitajiet għall-anzjani u r-romol. Ikun hemm min jiġi biex ikellmek dwar xi diffikultà partikolari bħal problemi familjari u personali. Diversi helpers ikollhom bżonn l-għajnuna jew gwida dwar il-mod kif se nimxu fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tat-tfal tal-katekiżmu, abbatini, attivitajiet soċjali, u maż-żgħażagħ, mal-familji u l-anzjani.

Filgħodu b’mod regolari jkolli laqgħat għas-saċerdoti, u għall-kappillani barra l-parroċċa.

L-ikla prinċipali tiegħi hija f’xis-1.00pm fejn normalment ikolli ikel li jħejjuli tal-familja u xi familji oħrajn mill-parroċċa. Nieħu gost meta jkolli ċ-ċans insajjar xi ħaġa jien. Filgħaxija nħobb nieħu xi ħaġa ħafifa, b’eċċezzjoni meta jkolli xi ikla jew xi okkażjoni. Nhar ta’ Ħadd, u xi drabi wkoll matul il-ġimgħa wara nofsinhar, inħobb inżur lill-ġenituri tiegħi f’Raħal Ġdid.

Inħobb ħafna l-baħar u fis-sajf dak hu l-iżvog tiegħi. Riċentement skoprejt il-kayaking.  Dan jgħinni biex nistrieħ bħalma jgħinuni ftit jiem ta’ mistrieħ fis-sena ma’ grupp ta’ saċerdoti oħrajn. Inħobb ukoll il-mixi fil-kampanja u nipprova li minn żmien għal żmien nagħmel dan.

It-Tnejn naqra l-Vanġelu tal-Ħadd li jkun imiss biex nibda naħseb fuq l-omelija. Nipprova nindirizza temi li nkun qed nisma’ anki u ninkludihom fil-ħsieb tal-Ħadd. Inħoss responsabbiltà li nwassal messaġġ attwali lil dawk li sabu l-ħin biex jipparteċipaw fil-quddiesa. 

Sfortunatament, il-ħajja ta’ kappillan hija “mgħobbija” b’ħafna xogħol ta’ amministrazzjoni, imma l-ewwel sejħa tiegħi hija li nwassal ’l Alla lill-oħrajn u nkun mezz biex il-parruċċani jiskopru s-sbuħija ta’ Alla f’ħajjithom.

Xi ħaġa li tinkwetani hija l-bruda spiritwali. Sfortunatament, il-ħajja tal-familji saret mimlija b’ħafna impenji u veru saru jsibuha jsibu l-ħin għall-ħajja spiritwali.  Bħala kappillan, li kieku nista’, nixtieq li ngħaddi mingħajr ma noqgħod “nittallab” għall-għajnuna jew għall-ġbir ta’ flus, iżda naf li dan mhuwiex possibbli! Iktar u iktar meta l-parroċċa tkun għadha qed tħallas xi loan.

Fl-aħħar tal-ġurnata nħobb insegwi l-aħbarijiet, nara xi serje storika, jew naqra. Intemm il-ġurnata mill-ġdid b’ħin ta’ talb sakemm norqod għall-ħabta tal-11.00pm.

L-aqwa parir li qatt irċevejt:
Alla jużak bla ma tintebaħ, hekk kif int!

Parir li nħobb nagħti:
Kun kapaċi tistenna u tisma’.

Scroll to Top
Send this to a friend