L-ARĊIPRIET BANDIST

Fr Chris Ellul – Arċipriet ta’ Ħal Tarxien

Fr Chris twieled fi-1988 u trabba f’Raħal Ġdid.  Meta kien żgħir qatt ma kkonsidra li jsir qassis. Imma fl-adolexxenza kibret fih ix-xewqa tas-saċerdozju. Wara żmien jaħsibha, iddeċieda li jidħol is-Seminarju. Ġie ordnat saċerdot fl-2015. Serva s-Siġġiewi kemm bħala djaknu kif ukoll fl-ewwel snin wara l-ordinazzjoni, sakemm erba’ snin ilu, l-Arċisqof talbu biex iservi bħala Arċipriet tal-parroċċa ta’ Marija Annunzjata, f’Ħal Tarxien.

Filgħodu normalment inqum fil-5:15 am. Nibda l-ġurnata u nqaddes il-quddiesa tas-6:00am. Meta nqaddes tat-8:00am, inħobb nagħmel siegħa mixi qabel. Tiswieli mhux biss għal saħħti imma wkoll biex ikolli ħin naħseb u nirrifletti.

F’nofsinhar immur niekol id-dar għand il-familja tiegħi f’Raħal Ġdid. Id-Dar tal-Arċipriet mhijiex tiegħi imma ta’ kulħadd. U ħafna drabi filgħaxija tkun mimlija b’diversi persuni, l-aktar żgħażagħ li minn żmien għal żmien jiġu ftit s’għandi u ġieli nieklu xi ħaġa flimkien.

Filgħodu l-ġurnata ttir malajr! Xogħol tal-uffiċju, tqarbin tal-morda, funeral, qadi u laqgħat.  Nemmen ħafna li s-saċerdot għandu jkun preżenti kullimkien mhux biss fil-ħidma pastorali imma wkoll fl-ambjent soċjali.

Minflok it-tberik ta’ darba fis-sena, nagħmel home visits b’mod regolari. Nipprova nidħol fil-qalba tal-familja, nifhem x’qed iħossu, il-bżonnijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħhom. Ħafna għadhom jinkwetaw meta jkun hemm xi tifrik fil-familja, jew meta xi wieħed minn uliedhom jispiċċa vittma ta’ xi vizzju. Oħrajn jinkwetaw għax uliedhom jew in-neputijiet tagħhom ma jiffrekwentawx is-sagramenti. Nipprova nifhem, nagħder u noffri kelma ta’ faraġ u kuraġġ, imma l-aktar li nkun preżenti magħhom.

Meta ngħin, hemmhekk inħoss li qed inkun strument f’idejn il-Mulej. Inħossni f’posti fis-sejħa li qed ngħix. Għalija Ġesù kien dejjem man-nies, fit-toroq u fid-djar, fil-festi u r-riċevimenti, ma’ dawk qrib tiegħu imma wkoll ma’ dawk li kienu fil-bogħod. Nipprova nimita din il-karattersitika – il-viċinanza – li tant qed jisħaq dwarha l-Papa Franġisku.

U għalhekk, ma niddejjaq xejn li nżur il-każini u nqatta’ ftit ħin hemm. Bħalma ma niddejjaq xejn li fil-festa nkun man-nies, nagħti daqqa t’id fl-armar sew fil-knisja kif wkoll fit-toroq, ninżel ftit nittawwal lid-dilettanti li jaħdmu n-nar u fil-marċijiet indoqq xi żewġ marċi wkoll. Meta kont iżgħar kont indoqq l-euphonium u t-trombone ma’ diversi baned lokali, imma dan l-aħħar nippreferi ndoqq xi marċi bil-platti. Dawn il-mumenti huma art tajba biex tibni relazzjonijiet u ħbiberji, allura hi art fertili fejn tiżra’ l-Evanġelju.

Bħalma ma niddejjaq xejn ninvolvi ruħi fir-restawr tal-knisja u ta’ oġġetti sagri. Din l-imħabba għall-arti qed tgħinni nitgħallem aktar dan is-suġġett u  napprezza aktar u nippreserva l-wirt ta’ missirijietna. Dan l-aħħar ippruvajt nattendi kemm nista’ kors tal-iskultura fl-injam. Bħala delizzju wkoll, jien kollezzjonist tal-istatwi, xbihat sagri l-aktar dawk minquxa fl-injam..

Ħaġa li ddejjaqni, imma li kull kappillan/Arċipriet ikollu jħabbat wiċċu magħha, hija l-piż kbir tal-amministrazzjoni. Din teħodlok ħafna ħin u enerġija.

Il-ħbieb huma importanti ħafna għalija. Huma għajn ta’ sostenn u li jsebbħu lil ħajti. U għalhekk regolarment infittex l-appoġġ u l-kumpanija tagħhom.

Intemm il-ġurnata għall-ħabta tal-11:00 pm. Għalkemm tkun għajjien u b’ xi ftit ħsibijiet, imma nkun sodisfatt li nkun wettaqt dak li hu mistenni minni, tal-inqas nipprova.

L-aħjar parir li qatt irċevejt:

F’mumenti ta’ sfida aħjar tgħid kelma inqas milli titlef persuna.

L-aħjar parir li nħobb nagħti:

Kien qaluli d-Direttur Spiritwali Fr Nicholas Cachia  – fi żmien ta’ ħajja mgħaġġla ħu kollox bil-kalma u imxi pass.

Scroll to Top
Send this to a friend