Id-diskussjoni f’Malta dwar l-għożża tal-ħajja tal-bniedem qabel it-twelid twassalna nistaqsu “x’valur nagħtu lill-ħajja tal-bniedem f’Malta?”
Kemm nistmaw il-ħajja tal-anzjani f’pajjiżna meta biex niffrankaw nimlew id-djar tal-Anzjani bil-carers barranin li kultant ma jafux ilissnu kelma waħda bil-Malti. L-anzjani huma bnedmin li għandhom bżonn ħafna kuntatt uman biex il-moħħ jibqa’ jaħdem tajjeb. Imma dan kollu mrażżan meta anki biex jitolbu tazza ilma jridu jitkellmu b’ilsien barrani. M’hemm xejn ħażin li nitkellmu bl-ilsna barranin, imma ħafna anzjani f’din is-sitwazzjoni jieqfu jikkomunikaw! Jew xi ngħidu għal dawk l-anzjani, li mġiegħla kollhom miċ-ċirkustanzi, jilħqu ftehim ma’ oħrajn biex joqgħodu flimkien ħalli b’żewġ ċekkijiet ikunu jistgħu ilaħħqu mal-ħajja?
X’valur qed nagħtu lill-ħajja tal-Maltin meta l-ħarsien tal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-ġirien jitwarrbu biex forsi niffrankaw ftit flus fil-kostruzzjoni?
X’valur nagħtu lill-ħajja f’Malta meta nħallu min jimpjega b’paga baxxa tant li ħaddiem li jagħmel jum għaddej ma jaqlax biex jgħix diċenti?
X’valur nagħtu lill-ħajja f’Malta meta l-għoli tal-ħajja bla rażan, kultant frott ta’ spekulazzjoni, iġiegħel lil dak li jkun xi drabi jgħaddi mingħajr mediċini jew ikel essenzjali?
X’valur qed nagħtu lill-ħajja tat-tfal f’Malta li qed jispiċċaw jiġru minn dar għall-oħra minħabba separazzjonijiet?
X’valur qed nagħtu lil ħajja f’Malta meta vittmi nisa u rġiel ta’ vjolenza domestika ma jsibux protezzjoni minn dawk li suppost jgħinu f’sitwazzjonijiet bħal dawn?
X’valur qed nagħtu l-ħajja f’Malta meta s-sewqan bl-addoċċ iħalli tant vittmi jew tkissir fit-toroq tagħna? Insejna l-kodiċi tas-sewqan, imma aktar minn hekk insejna nirrispettaw lil xulxin!
Dan l-aġir jixhed li l-valur tal-ħajja f’Malta huwa rħis … hemm bżonn nagħtu ftit kas.