Flimkien miegħek

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Wara waqfa ta’ perjodu pjuttost twil, minħabba l-pandemija, nerġgħu nwasslulkom il-Flimkien, b’format ġdid u li qed jasal f’kull dar ta’ Malta.

Din ir-rivista taslilkom mill-Kulleġġ tal-Kappillani tal-parroċċi Maltin. Il-kappillani jixtiequ li flimkien mal-Poplu ta’ Alla f’pajjiżna u dawk kollha ta’ rieda tajba jagħtu kontribut biex il-valuri sbieħ u għonja li nsibu fis-soċjetà kontemporanja jissaħħu u jixxettlu. U għax dan hu sforz ta’ kulħadd din il-publikazzjoni fiha artikli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Aħna lkoll nistgħu nagħmlu differenza; ilkoll nistgħu nagħtu kontribut biex ngħixu flimkien f’pajjiż fejn il-valuri umani u nsara jissarfu f’għixien sabiħ u b’saħħtu.  Il-Flimkien jgħin biex niddibattu dwar it-tajjeb u dak li hu anqas tajjeb f’pajjiżna. Nistgħu flimkien niddiskutu kif nibnu pajjiż aktar b’saħħtu u magħqud.  Minkejja d-differenzi ta’ twemmin reliġjuż, politiku, orjentazzjoni sesswali, kulur tal-ġilda u mill-ġeneru tagħna, irridu nsibu mod ta’ għixien li jagħti futur lilna u lil dawk li ġejjin warajna.

Ma rridux nimponu twemmin u opinjonijiet, u wisq anqas lilna nfusna. Nixtiequ nkunu mezz li jmantni u jkabbar dak li għamilna tassew bnedmin, nghixu flimkien fuq gżira waħda. Għalhekk din ir-rivista mhux biss “titkellem” imma fuq kollox tixtieq tisma’ u tilqa’, ħalli b’hekk nistgħu nakkumpanjaw lil xulxin fil-vjaġġ ta’ ħajjitna.

Nixtiequ nisimgħu! Kulhadd għandu x’joffri: żgħażagħ, nies tas-sengħa, professjonisti, ħaddiema, dawk li tieħdu ħsieb djarkom, pensjonanti u n-nanniet.  Flimkien imsejħin biex naħdmu mhux biss b’passjoni, kreattività u integrità, imma fuq kollox b’sens ta’ solidarjetà ma’ xulxin, attenti għall-ġid ta’ xulxin, inħabriku għall-ġid komuni.

Il-Flimkien irid jieħu sehem fil-bini ta’ soċjetà, misjuqa minn sens ta’ ġustizzja, imma wkoll minn sens ta’ sbuħija, tama, fiduċja u mħabba lejn xulxin.

Il-Flimkien jkellmek u jisimgħek. Jixtieq iwassal il-vuċi tiegħek. Se nkunu miegħek biex flimkien nibqgħu mixjin fl-isfidi kollha ta’ ħajjitna.  Bdejna b’dan il-fuljett u ser nzidu l-medja socjali fil-gimghat li gejjin.

Se nistennewk tkellimna. Iktibilna fuq [email protected]

Scroll to Top
Send this to a friend