Ngħożżu s-saħħa tal-omm u t-tarbija fil-ġuf

213|Jannar 2023

Fil-ġimgħat li għaddew intqal ħafna fuq l-emenda mressqa mill-Gvern dwar it-tqala ta’ nisa li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Dawn iċ-ċirkostanzi jitolbu kelma ċara, preċiża u ta’ konfort għad-dinjità tal-mara, għall-ħarsien tal-ħajja tagħha u għas-serħan il-moħħ tal-professjoni medika.

Skont il-Gvern l-intenzjoni tal-emenda mhijiex li jiddaħħal l-abort. Wara kollox il-Gvern m’għandux mandat politiku biex jintroduċih. L-iskop, dejjem skont il-Gvern, hu li jzagħmel il-liġi aktar ċara. B’hekk meta tabib jagħmel intervent mediku biex isalva l-ħajja tal-omm li tkun f’periklu li tmut u minħabba f’hekk tmut it-tarbija, it-tabib u l-omm ma jkunux suġġetti għal passi kriminali kontrihom.

Kien hemm min staqsa jekk kienx hemm ħtieġa ta’ din l-emenda meta l-ebda professjonist mediku qatt tressaq il-qorti mixli li biex isalva l-ħajja tal-omm mietet it-tarbija, u meta fl-aħħar għoxrin sena ma nqala’ l-ebda każ li kien jitlob il-mewt tat-tarbija biex issalva l-omm. It-tobba Maltin dejjem għamlu kull sforz biex isalvaw kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll tat-tarbija, u fejn dan ma kienx possibli li jkunu salvati t-tnejn, tiġi salvata l-ħajja tal-omm.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna ikkumenta li “bħala soċjetà, bħala Knisja, għandna d-dover inkunu ta’ sostenn u ta’ sapport għall-mara, b’mod speċjali meta ssib ruħha f’diffikultajiet u f’sitwazzjoni diffiċli.”

Madankollu, l-emenda li għaddiet mit-tieni qari fil-Parlament u issa qed tkun diskussa fl- istadju ta’ kumitat, tintroduċi xi ħaġa aktar minn hekk: ma titkellimx biss fuq li ssalva l-ħajja tal-omm li tkun f’periklu li tmut, imma titkellem fuq li telimina ħajja ġdida biex tħares is-saħħa tal-omm.

Tajjeb li nistaqsu x’nifhmu “bis-saħħa tal-omm”? Tfisser ukoll saħħa mentali bħal dipressjoni u mitt każ ieħor? U min jiddeċiedi li l-omm hija f’periklu serju? L-omm stess?

L-Isqfijiet Maltin flimkien ma’ firxa wiesgħa tas-soċjetà Maltija li tinkludi professjonisti mediċi u legali, għamluha ċara li fejn is-saħħa teħtieġ kura, għandna naħdmu bis-sħiħ biex tingħata kura; fejn l-omm għandha diffikultà ta’ tip jew ieħor, din għandna ssib l-appoġġ u s-sostenn li teħtieġ. Imma qatt ma tħares is-saħħa ta’ xi ħadd billi toqtol il-ħajja ta’ ħaddieħor.

Il-viżjoni tal-Knisja favur il-ħajja mit-tnissil tal-bniedem sal-mewt naturali tiegħu mhijiex suġġett ta’ negozjati. Kif jgħid il-Papa Franġisku f’Evangelii Gaudium, “propju għax hi kwistjoni li għandha x’taqsam mal-koerenza ġewwinija tal-messaġġ tagħna fuq il-valur tal-persuna umana, m’għandniex nistennew li l-Knisja ħa tibdel il-pożizzjoni tagħha fuq dan l-argument. Nixtieq inkun għalkollox onest fuq hekk!”

Il-gravità hija li minkejja l-kliem kollu li jingħad, dak li hemm fil-Liġi kif inhija miktuba sa issa, u kif fissru tant tajjeb l-esperti tal-liġi, iddaħħal l-abort u tagħti lok li dan isir sat-twelid.

U għalhekk fil-jiem li ġejjin, il-Parlamentari Maltin jridu jwieġbu mistoqsija sempliċi imma fundamentali: tista’ għal kwistjonijiet tas-saħħa tal-omm, u mhux tal-ħajja tal-omm, toqtol persuna li qed tinħema fil-ġuf tal-istess omm? Għandek toqtol tarbija għax din hija theddida għal saħħtek u mhux għal ħajtek?

F’kull pajjiż l-abort daħal b’emenda bħal din li qed tkun diskussa fil-Parlament. Bħala riżultat għandna għoxrin miljun abort fis-sena madwar id-dinja. Dawn kollha minħabba periku tal-mewt jew saħħa?

Il-Parlamentari tagħna għandhom responsabbiltà kbira u tremenda li tista’ taffetwa l-fibra ta’ pajjiżna. L-Isqfijiet u tant persuni u organizazzjonijiet oħrajn qed jappellawlhom biex jgħożżu l-ħajja umana, l-aktar dik vulnerabbli u dgħajfa, u jagħżlu l-ħajja u mhux il-mewt.

Scroll to Top
Send this to a friend