Naf inħobb?

212 | Jannar 2023

Fil-bidu ta’ kull sena ħafna minna nagħmlu xi riżoluzzjoni.  Min jgħid li se jnaqqas mill-ikel, li se jibda jagħmel l-eżerċizzju fiżiku, jew li se jaqta’ t-tipjip. Insomma riżoluzzjonijiet ta’ kull tip. Iżda fil-fehma tiegħi, għal min hu nisrani r-riżoluzzjonijiet tagħna jridu jkunu marbutin ma’ riflessjoni dwar kemm qed inkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor. 

F’dinja fejn ma tantx fadlilna ħin biex nieqfu u naħsbu f’għajra, fejn il-kompetizzjoni saret l-ordni tal-ġurnata, fejn d-dehra qed tirbaħ fuq is-sustanza, u l-eġoiżmu ġie normalizzat, qed inħabbut wiċċna ma’ sfidi ġodda. 

Għalina l-insara hemm sfida kbira.  Sfida li jekk irridu ngħixu kif jitolbu minna l-prinċipji u l-valuri nsara, hija sfida li tista’ tinħass tqila. Din l-isfida hija li ngħixu l-valuri soċjali tal-Knisja kif imsejsa fuq t-tagħlim ta’ Kristu. Hija marbuta mal-mod kif ngħixu …. marbuta mal-eżempju li nagħtu …..ma’ l-għażliet li nagħmlu  ….. marbuta mad-deċiżjonijiet li nieħdu.

Mhix faċli f’dinja li tiddetta l-istil, il-mod, id-dehra, u l-għażliet.

Mhix faċli f’dinja li saret tagħżel lil min tgħolli jew lil min tarmi.

Mhix faċli f’dinja li saret, kif jgħid il-Papa Franġisku, tiddisponi minn kollox u minn kulħadd, saħansitra anki mill-ħajja umana.

Personalment nemmen, li filwaqt li l-mod tal-għixien tagħna msejjes fuq il-prinċipji nsara hu sfida qawwija, l-għażla nisranija hija l-aqwa mod kif nistgħu ngħixu fil-paċi u b’ferħ dejjiemi.

Għalija l-għażla tagħna hija marbuta mal-imħabba sinċiera bla kundizzjoni li nagħtu lill-proxxmu tagħna.  Il-paċi u l-ferħ dejjiemi, għalija huma marbuta mar-rispett li nagħtu lil xulxin mingħajr distinzjoni  ….. marbuta ma’ kemm naħsbu f’xulxin u l-aktar meta naħsbu f’dawk li ħuma l-aktar vulnerabbli fostna ….. marbuta ma’ kemm kapaċi  niftħu qalbna għal kulħadd mingħajr preġudizzju.

Faċli inħobbu u nirrispettaw lil min iħobbna u jirrispettana. Iżda l-imħabba nisranija hija ferm akbar minn hekk. Irridu nħobbu anki lil dawk li jistmawna ħażin, lil dawk li ma jħobbuniex u jirrispettawna bl-istess mod li nħobbuhom u nirrispettawhom. 

Mhix faċli din l-għażla, iżda konvinta li bħala nsara kapaċi jekk sinċerament irridu, ngħixuha.

Nawgura lilna lkoll li matul din is-sena naħdmu kemm nifilħu fuqna nfusna biex nkunu kapaċi ngħixu verament l-imħabba nisranija fil-kobor u s-sbuħija tagħha. L-għażla li ta’ kuljum irrid inħobb aktar u aħjar lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, iżda wkoll lil dawk li l-aktar ma jħobbuniex bl-istess mod.

Scroll to Top
Send this to a friend