knisja.mt/ritratti

L-edukazzjoni ta’ wliedna – mill-kliem għall-azzjoni

208 | Lulju 2022

Bħal kull prodott tas-soċjetà tagħna, l-edukazzjoni hi spazju ta’ ħafna kontradizzjonijiet, kuntrasti u interessi li jaħbtu f’xulxin. Jien dejjem qist il-qasam edukattiv bħala spazju importanti fejn nistgħu naħdmu għal soċjetà iktar ġusta; proċess li idealment jagħti setgħa lill-vuċi ta’ min hu dgħajjef, lill-azzjoni demokratika, lid-differenzi ta’ bejnietna, lis-sens miftuħ ta’ komunità, lis-sens ta’ mħabba.

Fl-aħħar mill-aħħar, għalija l-edukazzjoni hi spazju ta’ tama u, kif kien jgħid sieħbi Charles Miceli, ta’ fidi. Se nħares b’mod limitat lejn tliet aspetti li fil-prattiċi edukattivi tiegħi huma mnebbħa mill-fidi nisranija.

Bżonn ta’ Profeti. Bħala għalliem inħoss il-bżonn ta’ punti ta’ riferiment li jgħinuni nifhem u nieħu azzjoni fuq il-ħafna kwistjonijiet li jinqalgħu fil-klassi. X’għandu jkun il-bilanċ bejn il-kontenut tas-sillabu u l-vuċi tal-istudent? X’tip ta’ dixxiplina għandna nikkontemplaw?

Edukaturi kbar b’ispirazzjoni nisranija, bħall-qassis Taljan Don Lorenzo Milani, l-edukatur Brażiljan Paolo Freire, fost ħafna oħrajn, inqishom bħala ilħna profetiċi li ta’ spiss ikolli nirreferi għalihom. Jgħinuni nixtarr, fost oħrajn, kwistjonijiet ta’ ġustizzja, ta’ vuċijiet imsikkta, il-piż tal-faqar u żvantaġġi oħra fuq l-edukazzjoni, ta’ sens ta’ ħelsien, ta’ indifferenza lejn l-oħrajn, ta’ sens ta’ fidi f’kull azzjoni li nieħdu, anke fejn dawn m’humiex daqshekk ovvji. 

Ngħidu aħna, meta Don Milani u l-istudenti tiegħu ta’ Barbjana jgħidu li ma jistax ikun li Alla hu tant kattiv li tefa’ lit-tfal ‘injoranti’ f’familji foqra u dawk ‘bravi’ f’familji sinjuri, u allura dawn huma biss il-prodott ta’ strutturi inġusti, lili jqajjimli sens ta’ nkwiet.

B’hekk, nagħżel li naħdem iktar ma’ min hu żvantaġġjat milli ma’ min mhux. L-għalliema jistgħu jkunu profeti jekk dak li jagħmlu jagħmluh bi tweġiba għar-realtajiet storiċi li fihom qed jgħixu.

Sinjal ta’ kontradizzjoni. Ili ngħallem ’il fuq minn għoxrin sena u l-ħsieb edukattiv qed isir dejjem iktar miżgħud b’kunċetti fejn il-kmandamenti qed isiru kważi kważi l-iktar ħaġa ovvja. Dan jissarraf f’ġirja għaċ-ċertifikati, f’suġġetti li huma importanti u oħrajn li mhumiex, x’inhu utilitarju iktar milli x’inhu sabiħ, individwaliżmu, ħsieb kritiku dgħajjef. Ovvjament, din tħalli warajha numru ta’ ‘vittmi’.

Dan ma jaqbilx mal-imħabba lejn il-proxxmu, is-sens ta’ ġustizzja, u l-għażla preferenzjali għall-fqar li huma fundamentali għal min irid iħaddan perspettiva nisranija, u jrid jinkarna dawn fil-professjoni ta’ għalliem.

Sens qawwi ta’ komunità. Il-fidi ngħixuha f’komunità bit-tlugħ u l-inżul tagħha.  Fil-prattika edukattiva, dan jissarraf  l-ewwelnett fil-bżonn li dak li nagħmel nagħmlu ma’ grupp ta’ nies li naqsmu flimkien ideat u valuri komuni. Dan jisseddaq jekk infittxu li nibnu fuq il-ħiliet ta’ xulxin, nagħtu appoġġ lil xulxin, u li dak li nagħmlu qed nagħmluh b’sens qawwi ta’ fidi u ta’ providenza

L-edukaturi b’ispirazzjoni nisranija għandhom iħarsu f’għajnejn l-istudenti tagħhom u jarawhom l-ewwelnett bħala persuni. Għandhom jagħtu merħba lil kulħadd, iktar u iktar lil min hu differenti u ’l bogħod minnhom u flimkien jibnu sens profond ta’ djalogu, li l-għan ewlieni tiegħu ikun li nħabbtu l-perspettivi tagħna ma’ xulxin, nitgħallmu minn xulxin u li naħdmu flimkien għal dinja iktar ġusta.

Fuq kollox, l-edukazzjoni u l-fidi nisranija jiltaqgħu f’sens qawwi ta’ tama. Kif qal il-Papa Franġisku m’ilux, “jalla nkunu sostnuti mill-konvinzjoni li l-edukazzjoni ġġorr fiha żerriegħa ta’ tama: it-tama tal-paċi u l-ġustizzja; it-tama tas-sbuħija u t-tjubija; it-tama ta’ armonija soċjali.”

Scroll to Top
Send this to a friend