L-Ambjent hu jien

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Ikolli nammetti li mhux dejjem fhimt sewwa din ir-realtà! Aktar ma kbirt u bdejt infittex postijiet għall-kwiet tal-kampanja jew fejn il-baħar, u aktar ma bdejt insemma’ leħni favur l-ambjent, aktar bdejt nirrealizza li fil-verità, l-ambjent naturali huwa parti integrali minni nnifsi u ovvjament minna lkoll bħala soċjetà.

Illum qegħdin ngħixu f’sitwazzjoni fejn l-ambjent naturali ta’ madwarna – kemm f’kuntest lokali, u anki dak internazzjonali – jinsab mhedded fuq diversi livelli. Personalment nemmen, li biex din it-theddida titrażżan, il-bidla għandha tibda minna stess, nies sempliċi li nagħrfu li l-ambjent huwa parti sħiħa minn dak li jagħmilna bnedmin.

B’mod personali, biex nagħraf dan kollu, jien kemm jista’ jkun irrid naħdem bis-sħiħ biex ngħix ta’ bniedem. X’qed nipprova ngħid b’dan kollu? Sfortunatament, qegħdin ngħixu f’soċjetà li kontinwament tinkoraġġina biex naħdmu aktar, nipproduċu aktar, insiru aktar sinjuri u nixtru u nikkonsmaw aktar. Bl-ebda mod ma nara li dawn huma affarijiet ħżiena fihom infushom, imma spiss ninnota li meta dawn isiru l-fus li fuqu ddur ħajjitna, nispiċċaw ngħixu ħajja ferm ‘il bogħod minn dik li ġejna maħluqa biex ngħixu. Dan l-istil ta’ ħajja jiżolana mhux biss minna nfusna u mill-oħrajn, imma anki mill-ambjent ta’ madwarna.

Għaldaqstant nipprova li f’ħajti nippjana ħinijiet regolari ta’ mistrieħ, insib mumenti għall-kwiet u nfittex napprezza l-aktar affarijiet sempliċi. Dawn id-deċiżjonijiet eventwalment jgħinuni biex ngħix aktar ta’ bniedem u għalhekk insir aktar konxju kemm l-ambjent ta’ madwari huwa neċessarju għalina bħala soċjetà. Naf żgur li jekk inqatta’ l-maġġoranza ta’ ħini għaddej mingħajr l-ebda waqfien, dawn l-affarijiet lanqas biss se jaħbtu ma’ moħħi.

Aktar ma fhimt x’għandu jkun l-impenn tiegħi b’riżq l-ambjent ta’ madwari, aktar għażilt li nieħu deċiżjonijiet favur l-ambjent: ma nixtrix bl-addoċċ u ċerti affarijiet nirrifjuta li nixtrihom; nibqa’ nuża affarijiet li għadhom tajbin; ma naħlix; nuża r-rota biex nivjaġġa lejn ċertu postijiet u ma nibżax nimxi żewġ passi biex nagħmel qadja fir-raħal fejn noqgħod. Naf li n-naqra tiegħi tista’ titqies bħala insinjifikanti, imma għax nemmen fil-valur li bħala bnedmin ħaqqna ambjent aħjar, nagħmel il-parti tiegħi mill-aħjar li nista’.

Fl-aħħar u mhux l-inqas – u din naħseb hija deċiżjoni li għandna bżonn nieħdu aktar bħala ċittadini – hija li ma nibżax inkun kritiku u assertiv meta ninnota li fil-kuntesti lokali qed isiru sfreġji ambjentali u l-ambjent mhux qed jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu. Ilkoll ninnotaw kif ngħixu f’pajjiż fejn jekk tesprimi opinjoni malajr issib min ikollu seba’ mitt sena biex jinterpretak politikament u jdawwarlek kliemek. Personalment, ġieli għaddejt minnha meta tkellimt favur l-ambjent. Bħala bniedem u żagħżugħ ma nistax ngħid li din it-tensjoni hekk kif tiftaħ ħalqek ma nħosshiex, biss inħoss li ġaladarba nemmen li ‘L-Ambjent hu jien’ għandi nibqa’ nkun voċiferu. Il-kitba dwar suġġetti varji marbutin ma’ temi ambjentali tgħinni nagħraf kif l-istil ta’ ħajja li kuljum qed nagħżel li ngħix, jgħinni biex mill-osservazzjoni, nasal għall-azzjoni. Jalla llum qabel għada, bħala soċjetà nagħrfu tassew li l-ambjent ta’ madwarna mhux talli mhux xi ħaġa ‘l barra minna imma talli huwa parti sħiħa minn dak li jsawwarna bħala bnedmin.

Scroll to Top
Send this to a friend