Fl-aħħar ġimgħat pajjiżna għadda minn esperjenza politika u soċjali oħra permezz tal-elezzjonijiet ġenerali li saru f’Marzu li għadda. FLIMKIEN iltaqa’ u tkellem ma’ Dottor Mario Thomas Vassallo, il-Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta’ Malta. Riċentement ippubblika “Kollox Politka?”, ġabra ta’ kitbiet dwar aspetti varji tal-politika miktubin minnu u minn diversi akkademiċi u prattikanti oħra.
Meta tħares lejn dak li qed iseħħ f’pajjiżna, b’mod partikolari wara l-aħħar elezzjoni, kemm tara li l-partiġġjaniżmu għadu b’saħħtu f’pajjiżna?
Il-partiġġjaniżmu huwa msoqqi b’sistema elettorali li tiffavorixxi biss liż-żewġ partiti l-kbar, bl-istazzjonijiet tal-partiti li jkomplu jagħmlu reviżjoniżmu sfaċċat tal-istorja u tal-preżent; minn Awtorità tax-Xandir bi prattiċi li qajla nbidlu f’dawn l-aħħar 30 sena u minn elettorat li għandu tradizzjoni antika u qawwija ta’ appartenenza ma’ xi wieħed miż-żewġ partiti.
B’danakollu, fost l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, dan il-partiġġjaniżmu jonqos drastikament għax mhumiex interessati fil-partitokrazija, għalkemm dan mhux bilfors jirrifletti li għandhom nuqqas ta’ interess fil-politika.
Pajjiżna hu magħmul minn żewġ tribujiet li jgħixu fuq l-istess art, jew poplu wieħed b’opinjonijiet diversi. X’taħseb?
Hawn ħafna studji dwar dan is-suġġett. Jidher li dan iddgħajjef, tant li ħafna iżjed nies qegħdin jaslu biex jaqilbu l-partit minn elezzjoni għal oħra. Oħrajn m’għadhomx isibuha bi tqila biex jiksru t-tradizzjoni tal-familja, u għalhekk il-vot ma baqax jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra.
Iċ-ċaqliq massiċċ bejn partit u ieħor fl-aħħar elezzjonijiet juri li qiegħda tinbidel id-dinamika politika Maltija. Irridu naraw kif u l-għala l-Maltin jivvutaw jew ma jivvutawx, inkluż ukoll il-preżenza dejjem tikber ta’ barranin bid-dritt tal-vot fostna. Dan biex ma nsemmux l-effett tal-Vot 16 li s’issa għadu mhux magħruf.
Il-klijenteliżmu, in-nepotiżmu u l-patrunaġġ. Kemm huma qawwija fostna? Jista’ dan kollu jgħammar f’qafas ta’ ġustizzja soċjali?
Dawn il-fattizzi politiċi jeżistu kullimkien, imma f’pajjiż żgħir bħal Malta jinħassu iżjed u huma aktar evidenti għax in-nies taf lil xulxin. Sfortunatament, l-individwaliżmu kompla joktor anki bis-sistema neoliberali li ħakmet id-dinja u dan ikompli jherri l-prinċipji tal-ġid komuni u l-ġustizzja soċjali. Il-Gvern għandu jkun għaqli biżżejjed biex mhux biss ikabbar il-kejk tal-ekonomija nazzjonali, imma jkompli joħloq mekkaniżmi u proċessi biex kulħadd jirnexxilu jgawdi biċċa ġmielha minn dan il-kejk. Dan hu l-qofol tal-ġustizzja soċjali
Għaliex taħseb li ħafna jħarsu b’mod negattiv lejn il-politika, imbagħad xorta waħda għandna l-ogħla persentaġġ ta’ votanti fl-elezzjonijiet?
Il-Malti jgħidlek, ‘il-politika maħmuġa’, anzi jagħtuk parir biex ‘ma tiċċappasx magħha’. Immab mbagħad ma jaħsibhiex darbtejn biex imur għand il-ministru kull meta jaħseb li jista’ jinqeda jew biex jaqbeż il-kju. Is-sistema elettorali tagħna – mogħtija lilna mill-Ingliżi – hija inkubatur għall-klijentaliżmu politiku u għalhekk in-nies tħossha obbligata li tivvota għax il-vot iservi bħal donnu garanzija ta’ favuri.
Imma rridu ngħidu wkoll li qed tikber it-tendenza li ċerti sezzjonijiet tas-soċjetà tilfu l-interess fil-politiċi, tant li n-numru ta’ nies li ma jivvutawx qed jikber minn elezzjoni għal oħra. Din it-tendenza qiegħda tinkwieta lill-partiti.
Il-mezzi soċjali x’parti qed jilagħbu fil-politka kontemporanja Maltija?
L-importanza tal-midja soċjali qed issir ħafna iżjed kruċjali, u mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ saret l-aktar mezz effettiv. F’din l-elezzjoni rajna li naqsu l-billboards tradizzjonali, u fl-istess waqt żdiedu l-online ads tal-partiti. Il-mass meetings ċedew posthom għal pjattaformi diġitali fejn in-nies mhux biss tisma’ , imma tikkummenta fuq dak li jingħad. Dan hu żvilupp teknoloġiku li qed ibiddel il-mod ta’ kif tintlagħab l-istrateġija tal-kampanja elettorali.