Ix-xjuħija la hija marda u lanqas piż

207|Lulju 2022

Hekk stqarr il-Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu għat-tieni Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani, li se jkun iċċelebrat fl-24 ta’ Lulju. Għax skont il-Papa, ħafna jibżgħu mix-xjuħija u minn dak kollu marbut magħha.  Hawn min, saħanistra, din il-kelma ddejqu! Il-Papa jkompli jgħid li hawn min jikkunsidra x-xjuħija bħala marda li wieħed għandu jevita li jkollu kuntatt magħha kemm jista’ jkun. Bħal donnu hija pesta! U għalhekk l-aħjar li lix-xjuħ nagħmlulhom ħajjithom kemm jista’ jkun komda, imma nwarrbuhom min-nofs ħalli ma jkollniex għalfejn noqogħdu naħsbu dwar il-problemi u l-isfidi tagħhom.

Madankollu l-Kelma ta’ Alla taħsibha mod ieħor! Ħajja twila la hija marda u wisq aktar pesta. Hija barka u x-xjuħ tagħna mhumiex l-imwarrbin tas-soċjetà  imma sinjali ħajja tat-tjubija ta’ Alla li jagħti l-ħajja bil-kotra. “Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollhom ħajja u ħdura, biex ixandru li ġust hu l-Mulej” qal is-Salmista eluf ta’ snin ilu (Salm 92:13).

U għalhekk mhux ta’ b’xejn li Franġisku bħal donnu b’vuċi għolja jipproklama: “Imbierka dik id-dar li jgħix fiha bniedem xiħ. Imbierka dik il-familja li tonora lix-xjuħ.”

Ix-xjuħija toffrilna opportunitajiet ġodda u sbieħ f’ħajjitna. Tonqos il-pressjoni tax-xogħol u tar-responsabbiltà tat-trobbija tat-tfal, u nistgħu nagħmlu dawk l-affarijiet li qatt ma kellna l-ħin u l-ispazju biex nagħmlu. Riċentement iltqajt ma’ ħabib tiegħi, li hekk kif irtira mix-xogħol beda jitgħallem żewġ affarijiet interessanti: idoqq il-pjanu, u jitkellem biċ-Ċiniż. B’hekk, qalli b’nofs daħqa, moħħi ma jiġġammjax!

Mill-banda l-oħra, hemm il-ħsieb ibherren li saħħitna bdiet tmajna, li l-mard jinsab fuq l-għatba ta’ ħajjitna. Hemm ukoll, għal diversi xjuħ, il-piż finanzjarju tal-ħajja ta’ kuljum u tal-mediċini. Iridu jlaħħqu mhux biss mal-għoli tal-ħajja minħabba d-dħul limitat,  imma wkoll mal-ġirja sfrenata tad-dinja li  qed ngħixu fiha. Ix-xiħ jista’ jispiċċa jirraġuna li m’għadu tajjeb għal xejn, li hu saħanistra mwarrab, jekk mhux ukoll minsi, mill-istess uliedu li m’għandhomx ħin għal xulxin aħseb u ara kemm għandhom għall-ġenituri tagħhom. 

Imma l-Papa Franġisku jħeġġeġ lix-xjuħ biex le, ma jintelqux, ma jaqtgħux qalbhom, imma jieħdu ħsieb sewwa tagħhom infushom u jibqgħu dejjem attivi. Ix-xjuħija mhijiex  żmien fejn inniżżlu l-qlugħ u nintelqu mal-irjieħ tal-indifferenza u l-letarġija. Kif, fuq kollox, qed jagħmel hu, li minn bilqiegħda f’siġġu tar-roti, għadu produttiv u ta’ ispirazzjoni liema bħalha.

Franġisku jfakkar li x-xjuħ għandhom missjoni “ġdida” x’jaqdu. U din mhux biss fuq il-livell materjali, imma fuq kollox f’dak spiritwali. Iridu jikkultivaw sewwa l-ħajja interjuri tagħhom permezz tat-talb, tal-qari tal-Kelma ta’ Alla u l-parteċipazzjoni fis-Sagramenti. U mhux għax “quando non posso più, torno al buon Gesù”, imma biex ikunu jistgħu dejjem aktar jikkontribwixxu f’dik li hu jsejjaħ bħala r-rivoluzzjoni tat-tenerezza – rivoluzzjoni non-vjolenti u spiritwali  li fiha nibdew inqisu lill-oħrajn bħala ħutna – li nistmaw lill-oħrajn bħallikieku kienu l-istess neputijiet tagħna.

Ix-xjuħ, skont il-Papa, għandhom il-missjoni li jkunu artiġjani tar-rivoluzzjoni tat-tenerezza. U l-aqwa għodda li għandhom huwa t-talb. “Ejjew insiru poeti tat-talb. . . għax it-talb tal-fiduċja jista’ jakkumpanja l-bikja tal-uġigħ ta’ dawk li qed isofru; it-talb jista’ jbiddel il-qlub.”

Fl-aħħar il-Papa jħeġġeġ biex il-komunitajiet insara ma jwarrbu qatt lix-xjuħ, speċjalment lil dawk li jgħixu weħidhom jew fid-djar tal-anzjani. “Illum, li żżur lix-xjuħ li jgħixu weħidhom hija opra ta’ ħniena ta’ żmienna.”

Scroll to Top
Send this to a friend