knisja.mt/ritratti

IR-RELIĠJON GĦADHA IMPORTANTI?

|10/)ttubru 2022

Jgħid x’jgħid ħaddieħor, il-fidi dejjem kienet boxxla morali u etika għal bosta mexxejja tal-ġnus. F’dawn l-aħħar deċenji l-Papiet dejjem ikkonfrontaw u ggwidaw lid-dinja quddiem sensiela ta’ problemi globali. Il-fidi u l-ispirtwalità inġenerali jafu jġibu bidliet soċjali tant meħtieġa. L-imgħoddi u l-istorja riċenti jagħtuna ħames oqsma fejn ir-reliġjon u l-fidi kellhom impatt pożittiv qawwi u ġabu bidliet kbar.

Id-drittijiet tal-bniedem

Ir-regola kardinali tar-reċiproċità (imxi ma’ ħaddieħor bħal ma tixtieq li ħaddieħor jimxi miegħek) u r-rispett, hija mħaddma mir-reliġjonijiet ewlenin kollha. Toffri bażi essenzjali għall-kunċett modern tad-drittijiet umani.

Il-kisba tal-paċi u t-tbegħid tal-gwerer

Spiss ikun hemm perċezzjoni qarrieqa li r-reliġjon hija fil-qofol tal-konflitti globali. Iżda l-verità hija li t-twemmin huwa imprezzabbli fil-promozzjoni tat-tolleranza, ir-rispett, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni. Flimkien, ir-reliġjonijiet jagħmlu forza qawwija fil-prevenzjoni, l-immaniġġjar u r-riżoluzzjoni tal-konflitti.

Valuri

Ir-reliġjonijiet tad-dinja jirrappreżentaw il-valuri komuni li jinfluwenzaw il-mod kif il-ġnus jgħixu u jaġixxu. M’hemmx dubju li bosta jemmnu li l-fidi tista’ ttejjeb il-valuri mħaddna min-nies.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

Dan l-aħħar qed tingħata attenzjoni akbar għar-relazzjoni bejn ir-reliġjon u l-korruzzjoni. Il-gwidi reliġjużi u l-valuri li jmorru magħhom jafu jkunu għodda ferm importanti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

L-istandards etiċi u morali ta’ kull individwu jintagħġnu mir-reliġjożità tiegħu jew tagħha stess.

L-etika fin-negozju

Il-fidi tintroduċi valuri etiċi li jistgħu jħallu mpatt fin-negozju u fl-ekonomija f’sens aktar wiesgħa. It-tagħlim etiku jista’ jiġi applikat b’diversi modi biex jiggwida d-dinja tan-negozju sabiex b’hekk, jinħolqu modi ġodda t’aġir filwaqt li jipproponu perspettivi alternattivi għall-mudelli attwali ekonomiċi.

Is-sistema finanzjarja Iżlamika hija eżempju ċar ta’ kunċett dinamiku reliġjuż li jtejjeb il-prattiċi etiċi fis-settur finanzjarju. Meta l-enfasi tkun fuq ir-responsabilitajiet soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-individwi, dan ikun pass ‘il quddiem fil-promozzjoni tas-sostenibilità bħala element ewlieni fit-tkabbir ekonomiku.

F’dawn l-aħħar snin, l-isqfijiet u mexxejja reliġjużi Maltin dejjem tkellmu b’ton kalm u konvinċenti, u mhux bi twerżiq jew titubanza. Dejjem fittxew li jiżnu bir-reqqa l-valuri u strutturi tradizzjonali flimkien max-xejriet u eżiġenzi moderni u ġodda.

L-Isqof attwali, bħala r-ragħaj it-tajjeb, qiegħed dejjem ifittex jidentifika dak li f’kull xejra soċjali ta’ żmenijietna għandu jingħad li huwa tajjeb, inkella dak li għandu jingħad li huwa ħażin. Meta huwa l-waqt, jagħmel mistoqsijiet pertinenti li jġiegħluna nirriflettu, jesponi veduti alternattivi u jipprova jkun benniena t’għerf b’moħħ raġjonevoli iżda b’qalb kbira. Huwa ma jippontifikax bla bżonn, iżda jagħti xiehda ċara tal-verità kif dejjem u konsistentement ġiet żvelata lill-Knisja, mhux billi jippretendi li tippossjedi l-verità, imma billi tersaq dejjem lejha u tħaddanha.

Scroll to Top
Send this to a friend