Fil-lejla tal-14 ta’ Marzu, ġurnalista żagħżugħa bl-isem ta’ Maria Ovsiannikova, kellha l-kuraġġ tinterrompi x-xandira diretta tal-aħbarijiet prime time fuq l-istazzjon televiżiv prinċipali Russu. Dan billi għaddiet minn wara l-persuna li kienet qed taqra l-aħbarijiet u żammet f’idejha kartellun imdaqqas kontra l-gwerra li pajjiżha stess qed iwettaq fl-Ukrajna.
Il-kartellun kellu miktub fuqu bir-Russu dawn il-kelmiet: “Le għall-gwerra. Temmnux il-propaganda. Qed jigdbulek.” Dam jidher biss ftit sekondi għaliex ix-xandira ġiet pront imwaqqfa. Imma l-effett tiegħu hu bil-wisq akbar mill-ħin li dam fuq l-iscreens tat-televiżjoni.
Ix-xena pront spiċċat iddur fuq il-media soċjali u fuq l-istazzjonijiet televiżivi mad-dinja kollha.
Dawk il-ftit sekondi wasslu biex Maria Ovsiannikova ssir il-wiċċ tar-reżistenza interna kontra r-reġim awtokratiku mmexxi minn Putin – reġim, li bħal kull reġim ieħor qed juża t-tgħawwiġ tal-fatti, il-gideb u r-ripressjoni ta’ dawk li ma jaqblux miegħu biex iżomm lill-popolazzjoni tiegħu sajma mill-verità dwar dak li qed jiġri fl-Ukrajna.
Il-ġurnalista mhijiex belha: kienet taf ir-riskju kbir li kienet se tieħu. Żgur li ħasbitha sew qabel għamlet dak l-att kuraġġuż. Żgur li bassret li se tiġi attakkata li qed teħodha kontra pajjiżha stess f’mument li qed jiġġieled gwerra. Imma? Allura? Irraġunat li hekk kien hemm bżonn isir. Akkost ta’ kollox.
Dak l-att ta’ ftit sekondi jista’ jidher żgħir wisq, insinjifikanti, u li kapaċi ma jwassal għal imkien. Ir-Russi jattakkaw kienu, u jattakkaw baqgħu. U n-nies, almenu hekk jidhru, li siekta kienu u siekta baqgħu. Imma le! Dak l-att hu wieħed qalbieni li għandu tifsira universali – li tgħodd għal kulmin jiġri f’demmu għandu nitfa sens ta’ diċenza u kilba għall-ġustizzja.
Ovsiannikova wriet lid-dinja li ma jistax ikun hemm is-sewwa mingħajr impenn lejn dak li hu veru. U dan jinvolvi riskji – wieħed irid ikun lest li joħroġ għonqu għalih – u ma jistax jibqa’ sieket. Irid iqum mil-letarġija li spiss taħkimna.
Il-ħajja umana qatt ma hi awtentika jekk wieħed jibqa’ lura, u jinħeba wara l-biża’ li hu frott tat-theddid. L-iva trid tkun iva u l-le trid tkun le.
Ftit kliem imħażżeż fuq biċċa kartonċina f’idejn tfajla titbissem mhumiex biżżejjed, sa issa, biex iwaqqfu l-gwerra. Imma jistgħu jkunu xprun għal azzjoni, li forsi għadha midfuna bir-ripressjoni. Madankollu, dawk il-kelmiet jistgħu jwasslu biex jistimulaw kuraġġ fost dawk mad-dinja kollha li qed jirsistu biex jibdlu l-ħolma ta’ dinja mseddqa bis-sliem, ġustizzja, sewwa u ħelsien, f’realtà!
Il-kliem ta’ Maria Ovisannikova miktubin bl-għaġġla fuq linji mhux dritti jistednuna biex nirriskjaw flimkien, għal soċjetà aktar umana – biex tassew isseħħ fostna s-Saltna ta’ Alla – illum!