Niftakar li waqt il-kampanja elettorali Amerikana tal-2016, kont staqsejt ħabib tiegħi Amerikan li nzerta kien f’Malta x’differenza jara bejn Hilary Clinton u Donald Trump. Kien pront weġibni li “Clinton hija giddieba filwaqt li Trump hu gidba! It-tnejn li huma inqabdu jigdbu, mhux darba u tnejn, imma Trump hu speċjalizzat fil-gideb, huwa l-esponent ewlieni ta’ dik li qed tissejjaħ post-truth politics”.
Ma nafx kellux raġun mija fil-mija. Li hu żgur hu li bħal donnu qed ngħixu fi żmien fejn, kif iddeskriviet tant tajjeb ir-rivista influwenti Ingliża The Economist xi ftit tas-snin ilu,il-gidba saret arti, saret konvenjent, u jekk tgħinek biex tasal fejn trid tasal, allura l-gidba mhux biss hija tajba imma hija neċessarja.
Li tgħid li l-politiċi xi kultant jilwu l-verità, ma tkun qed tgħid xejn ġdid; u li l-politiċi jgħajru lil xulxin li qed jigdbu hija parti mir-retorika tagħhom. Wasalna f’sitwazzjoni ngħidu li l-politiċi dejjem jigdbu u allura m’hemmx x’tagħmel; ma tantx jimporta jekk nħallu l-verità fil-ġenb.
Dan sfortunatament qed jiġri mhux biss fil-politika: il-post-truth tfisser li l-verità titpoġġa fil-ġenb għall-konvenjenza. Għax hekk jaqbel!
Nagħti eżempju wieħed: jingħad ta’ spiss l-immigranti “illegali” qegħdin ibiddlu u jfarrku l-fibra tal-kultura tagħna, għad inqumu nsibu ruħna taħt il-ħakma Musulumana, tħallatna, ara x’qed jiġri f’pajjiżi oħra! Imma dan kollu kemm hu mibni fuq fatti? Kemm minn dan kollu hu tagħwiġ u zekzik, prodott ta’ preġudizzji li ilhom preżenti fostna mijiet ta’ snin?
Il-post-truth qed dejjem aktar tfaqqas f’ambjent fejn il-mezzi soċjali tal-kommunikazzjoni, il-Facebook u t-Twitter u l-blogs għandhom qawwa enormi biex il-gideb, l-għajdut u z-zekzik jinfirxu b’veloċità enormi. La nkitbet fuq Facebook, la qalha dak jew dik, (“ħeqq dak jidhirli li hu serju!”) allura opinjoni jew agħar minn hekk gidba jew zekzika, mal-ewwel saret verità.
Appell lill-politiċi, lill-mexxejja tagħna: taqgħux għan-nassa tal-post-truth imma ibnu ambjent ta’ pro-truth! Iddefendu dak li hu vera u nobbli. Tiddejqux tammettu meta żbaljajtu. Tippruvawx tgħattu l-iżbalji tagħkom bil-gideb. Doża ta’ umiltà hija neċessarja u tiswa wkoll fil-politika u f’kull qasam ieħor. Bil-verità jaqblilkom. Is-soċjetà post-truth tidher li ttawwal l-għomor tal-giddieb, imma ma tistax tagħmlu etern.