Il-festa tas-skiet

212 | Diċembru 2022

Il-Milied iġib l-istorbju.  Tiżjin. Ġiri għar-rigali.  Festi għat-tfal.  Ikliet tax-xogħol.  Ġbir għal ħaġa jew oħra.  L-ispirtu ma jonqosx.

Imma l-Milied hu l-festa tal-kwiet.  L-akbar ġrajja fl-istorja seħħet fis-skiet meta d-dinja kienet rieqda.  Ġew l-anġli, ġew ir-rgħajja.  Imma dak kollu ġara wara.  Il-ġrajja seħħet fil-kwiet.

Illum nibżgħu mill-kwiet.  Fil-kwiet niltaqa’ miegħi nnifsi u nagħraf dak li jtaqqalni.  Il-kwiet ibeżża’.  Fil-kwiet nara fija nnifsi dawk il-ħwejjeġ li jbeżżgħuni: ir-rabja għalija nnifsi jew l-oħrajn, in-nuqqas ta’ fedelta’ f’imħabbti, it-traskuraġni tiegħi, u forsi l-qerq u l-faċċoliżmu li hemm fija.  Nara malajr li jien ma nafx naħfer, ma nafx inħobb.  Forsi nqast lis-sieħeb jew sieħba, jew lill-ġenituri.  Inħossni għarwien u nara d-dgħjufija tiegħi.  Allura rrid l-istorbju biex ma naħsibx, ma narax, naħrab ‘il bogħod minni nnifsi.  Is-skiet iwerwirni!

Iżda jekk jirnexxili negħleb dan il-biża’ u nibqa’ fis-skiet, allura forsi nibda nindiegħes mad-dgħjufija tiegħi u nara kif dak li jbeżżagħni huwa dak li hemm ġewwa fija.  Dan jista’ jkun il-bidu ta’ vjaġġ ta’ għarfien.  Insir naf lili nnifsi.  Nibda vjaġġ ta’ rebħiet żgħar li jwassluni biex intejjeb ħajti u nibni rabtiet aħjar mal-oħrajn ta’ madwari.  Nammetti x-xtur tiegħi u naċċetta li jien ukoll dgħajjef bħal ħuti l-bnedmin.  Nagħraf il-ħażen li hemm f’qalbi u ninduna li għandi bżonn lill-oħrajn biex inqum fuq saqajja.  L-oħrajn isiru duwa għas-suppervja tiegħi.

U jekk nasal hawn insib il-Milied ta’ ħajti.  Is-skiet u l-kwiet isiru mumenti għeżież fejn niltaqa’ man-nuqqasijiet u l-ħażen tiegħi.  Imbagħad immur fl-għar ta’ Betlem u npoġġihom quddiem il-maxtura flimkien mar-rgħajja.

Ir-rgħajja, għalkemm dgħajfin, marru lura mimlijin ferħ fil-qalb.  Il-kwiet tagħhom ħajja ġdida.

Il-Milied it-tajjeb.

Scroll to Top
Send this to a friend