Il-Milied iġib l-istorbju. Tiżjin. Ġiri għar-rigali. Festi għat-tfal. Ikliet tax-xogħol. Ġbir għal ħaġa jew oħra. L-ispirtu ma jonqosx.
Imma l-Milied hu l-festa tal-kwiet. L-akbar ġrajja fl-istorja seħħet fis-skiet meta d-dinja kienet rieqda. Ġew l-anġli, ġew ir-rgħajja. Imma dak kollu ġara wara. Il-ġrajja seħħet fil-kwiet.
Illum nibżgħu mill-kwiet. Fil-kwiet niltaqa’ miegħi nnifsi u nagħraf dak li jtaqqalni. Il-kwiet ibeżża’. Fil-kwiet nara fija nnifsi dawk il-ħwejjeġ li jbeżżgħuni: ir-rabja għalija nnifsi jew l-oħrajn, in-nuqqas ta’ fedelta’ f’imħabbti, it-traskuraġni tiegħi, u forsi l-qerq u l-faċċoliżmu li hemm fija. Nara malajr li jien ma nafx naħfer, ma nafx inħobb. Forsi nqast lis-sieħeb jew sieħba, jew lill-ġenituri. Inħossni għarwien u nara d-dgħjufija tiegħi. Allura rrid l-istorbju biex ma naħsibx, ma narax, naħrab ‘il bogħod minni nnifsi. Is-skiet iwerwirni!
Iżda jekk jirnexxili negħleb dan il-biża’ u nibqa’ fis-skiet, allura forsi nibda nindiegħes mad-dgħjufija tiegħi u nara kif dak li jbeżżagħni huwa dak li hemm ġewwa fija. Dan jista’ jkun il-bidu ta’ vjaġġ ta’ għarfien. Insir naf lili nnifsi. Nibda vjaġġ ta’ rebħiet żgħar li jwassluni biex intejjeb ħajti u nibni rabtiet aħjar mal-oħrajn ta’ madwari. Nammetti x-xtur tiegħi u naċċetta li jien ukoll dgħajjef bħal ħuti l-bnedmin. Nagħraf il-ħażen li hemm f’qalbi u ninduna li għandi bżonn lill-oħrajn biex inqum fuq saqajja. L-oħrajn isiru duwa għas-suppervja tiegħi.
U jekk nasal hawn insib il-Milied ta’ ħajti. Is-skiet u l-kwiet isiru mumenti għeżież fejn niltaqa’ man-nuqqasijiet u l-ħażen tiegħi. Imbagħad immur fl-għar ta’ Betlem u npoġġihom quddiem il-maxtura flimkien mar-rgħajja.
Ir-rgħajja, għalkemm dgħajfin, marru lura mimlijin ferħ fil-qalb. Il-kwiet tagħhom ħajja ġdida.
Il-Milied it-tajjeb.