knisja.mt/ritratti

Il-faqar dejjem magħna

207 | ĠUNJU 2022

Kull żmien iġib sfidi ġodda!  Il-pandemija u l-gwerra tal-Ukrajna ħarbtu s-sistema tat-tqassim fid-dinja u dan qed iġib tibdil fil-prezzijiet.  Bħalissa l-għoli tal-bżonnijiet bażiċi, speċjalment tal-ikel, jinħassu sewwa.  Għal min hu komdu ftit li xejn iħossha, għax jista’ jew tista’ tnaqqas affarijiet li tgħaddi mingħajrhom.  Imma min jinsab fl-iskaluni t’isfel tas-soċjetà (kif ngħidu bil-Malti “jaqlagħha u jikolha”), ibati għax inaqqas minn dak li hu bżonnjuż, jekk mhux ukoll jogħdos aktar fi tbatija, ħafna drabi siekta u ma tidhirx.

Il-faqar mhux biss jeżisti fostna, imma f’kundizzjonijiet ġodda bħal dawn hemm ċans li jkompli jikber.  Studji li saru minn entitatajiet bħal Caritas Malta jiftħulna għajnejna!  Imma min hu qrib tan-nies, m’għandux bżonn studji biex jagħraf iż-żieda fil-faqar. Aktar nies, speċjalment anzjani, persuni vulnerabbli u familji bi ħtiġijiet soċjali u emozzjonali jsibuha dejjem aktar diffiċli biex ilaħħqu ma’ dak li hu essenzjali biex jgħixu ħajja b’dinjità.

Il-faqar jiġi f’ħafna suriet.  Jitlob minna qalb miftuħa biex nagħrfu u nifhmu.  Hemm fostna familji li qed jgħixu f’appartamenti żgħar ħafna jew f’garaxxijiet, spiss minħabba kirjiet li jibqgħu jogħlew lil hinn mir-realtà ta’ ċerti pagi.  Hemm uħud li jispiċċaw bla saqaf għax waqt kwistjonijiet ta’ separazzjoni u manteniment il-kera toħnoqhom.  Hemm anzjani li jgħixu fi djarhom mingħajr dawl u ilma għaliex ma jistgħux iħallsu l-kontijiet minħabba d-dħul baxx tagħhom.  Hemm nies li jgħixu fi djar u appartamenti li minn barra jidhru ‘normali’ iżda meta tidħol ġewwa ssib stejjer iebsa.  Għax ngħiduha kif inhi: ħadd ma jieħu gost juri li hu anqas minn oħrajn!

Hemm, imbagħad, faqar ieħor li wkoll iħalli togħmiet morri fit-tul u jtellef id-dinjità tal-persuna.  Hemm il-faqar ta’ dawk li ma jafux jaqraw u jistħu juru li ma jafux.  Hemm dawk li ma jafux isajru u allura jridu jieklu xi ħaġa minn barra, li ħafna drabi la tkun sustanzjuża u lanqas tajba għas-saħħa.  Hemm il-faqar ta’ dawk li ma jafux iħaddmu s-servizzi elettroniċi u allura jispiċċaw fis-skiet maqtugħin barra mill-kumplament tas-soċjetà.  U ma nsemmux lil dawk li ma jistgħux iħallsu biex ikollhom Internet fid-dar u allura jiġu mċaħħdin mis-servizzi mogħtijin.  Għal min kien attent, il-pandemija tefgħet dawl qawwi fuq dawn l-għamliet ta’ faqar!

U għax kif jgħid il-Malti: “kulħadd ikejjel b’xibru”!  Allura qalbna tingħalaq u għajnejna jintfew.  Nibdew naħsbu li l-faqar ma jeżistix.  Nemmnu bis-sħiħ li kulħadd għandu jfendi għal rasu.  Nemmnu li l-homeless huma biss barranin!  Nemmnu li kull min jaħdem qiegħed idaħħal paga xierqa u jlaħħaq mal-ħajja!

Ma rridux ngħidu li l-istampa hija waħda mdallma biss.  Qed isiru ħafna sforzi għat-titjib soċjali mill-awtoritajiet tal-Gvern, tal-Knisja u mill-parroċċi.  Minkejja l-limitazzjonijiet kbar li għandhom il-parroċċi Maltin, b’mod partikolari dawk finanzjarji u ta’ riżorsi umani, dawn qed jagħmlu sforz, ħafna drabi fis-skiet, biex itaffu t-tbatija li jiġu wiċċ imb’wiċċ magħha. Minbarra għajnuniet li kull parroċċa tagħti fiż-żoni tagħha, il-parroċċi preżentement iqassmu mill-anqas 120 ikla kuljum lil familji li ma jafux jew mhux kapaċi jsajru għalihom infushom. Dan minbarra li jitqassmu wkoll madwar 1,300 hamper ta’ ikel essenzjali fuq bażi regolari, fil-biċċa l-kbira minnhom fiż-żoni ta’ fuq ta’ Malta u madwar il-port.  Dan kollu jsir minn voluntiera, bil-parroċċi jġorru l-biċċa l-kbira tal-ispejjeż involuti.

Hemm bżonn aktar ħidma flimkien bejn Gvern, Knisja, Caritas, NGOs, Azzjoni Kattolika, parroċċi u oħrajn biex il-ħidma tkun imsaħħa u tilħaq lil kull min għandu bżonn.  Il-ħidma tal-voluntieri li b’mod jew ieħor jagħtu s-sehem tagħhom b’imħabba hija bla prezz.  Nittamaw li aktar nies minn kull qasam tal-ħajja jersqu jagħtu s-sehem tagħhom.

Il-faqar għadu fostna u forsi qed jiżdied.  Irridu nkunu nies sensittivi biex narawh.  U hemm bżonn immiddu jdejna, kulħadd bil-mod kif jista’, biex intaffu s-sitwazzjoni.  Hemm tentazzjoni kbira biex il-faqar isir għodda ta’ tilwim jew tgħajjir.  Dan isikket il-ħidma u mhux isaħħaħha.  U s-skiet huwa arma qattiela!

Sakemm għad fadal bnedmin li ma jistgħux jgħixu d-dinjità tagħhom, aħna lkoll għad fadlilna x’nagħmlu!  Kull diskussjoni fuq is-suġġett hija kritika utieqa li tħares lejn għada aħjar.

Din hi sejħa għall-għajnuna u l-ħidma. Id-dinjità ta’ kulħadd hija importanti.

Scroll to Top
Send this to a friend