Għix issa għax darba tgħix

212 | Jannar 2023

Ilni kważi dawn l-aħħar tlett snin naħdem fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija bħala Kappillan. Biss, fil-każ tiegħi, jien ukoll pazjent bħal pazjenti li nżur ta’ kuljum. Mhux l-ewwel darba li kien hemm min għamilli l-mistoqsija: Patri, għalik x’inhu l-valur tal-ħajja?

Aktar mal-Mulej jagħtini l-grazzja naħdem u ngħix bil-kundizzjoni immatoloġika tiegħi li għandi fil-mudullun aktar inħossu li qed jagħtini l-grazzja li l-ħajja ntogħmha. Għaliex? Għax il-ħajja, minkejja t-tlajja u l-inżul tagħha, il-bdil ta’ kull xorta tat-temp li tgħaddi minnu u t-tibdiliet li jinħtieġ li jseħħu fiha minn żmien għal żmien, tibqa’ għalija rigal imprezzabbli.

Iva! Għedt rigal imprezzabbli! Għax daqskemm hi prezzjuża hi biss hawn u m’hawnx oħra! Ilkoll, nemmnu jew le, naqblu fuq ħaġa waħda: ħajja waħda għandna. Mela, la għandna dan ir-rigal daqshekk għani li ebda prezz ma jista’ qatt ifissru, ilkoll inħossu li għandna nieħdu ħsiebu. Jien wasalt għal din il-konvinzjoni għax l-ewwel nett bħala pazjent aktar nifhem il-valur tant importanti tas-saħħa. Imma konvint ukoll għax bħala kappillan nara ħafna esperjenzi ta’ persuni li telqu qabli.

Għalhekk, l-esperjenza ta’ xi ħadd li qiegħed fl-istess ilma ta’ min qed iservi, illum ngħid li l-valur tal-ħajja qiegħed f’li napprezzawha. Għalija, il-kelma kelmun li nitgħallem il-ħin kollu fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija hi relazzjonijiet. Jien nipprova nibża’ għalihom daqs id-dawl t’għajnejja u daqs in-nifs li nieħu. Għax, ir-relazzjonijiet huma kotba ħajjin li jieħdu n-nifs.

L-ewwel relazzjoni li nieħu ħsieb hi dik mal-Mulej. Li kif inħobb insejjaħlu hu l-King. Il-Mulej kollox għalija. Hu l-ġeneratur, dak li jnebbaħni u li jieħu ħsiebi. Mela nieħu l-ħin biex ikolli relazzjoni sabiħa miegħu online u offline, jiġifieri meta naħdem u anki meta nistrieħ. Il-Mulej għalija hu l-aqwa ħabib u l-għaref tal-għorrief. Ikolli problema nikkonsulta ruħi miegħu l-ewwel qabel naqbad u nfattar.

Imbagħad, it-tieni relazzjoni li għandi hi mal-bnedmin ħuti, bla ebda fruntieri. Għalija, kull persuna hu ktieb li minnu nitgħallem x’għandi nagħmel u x’mgħandix nagħmel, x’għandi naħseb u x’mgħandix naħseb, u x’għażliet għandi nwettaq u x’għażliet m’għandix inwettaq. Kull persuna għalija hi rigal kbir għax tgħidli min hu l-Mulej u tgħidli wkoll hi min hi u jien min jien.

It-tielet relazzjoni li jgħallimni ċ-Ċentru tal-Onkoloġija hi dik mal-ambjent ta’ madwari. Id-dinja hi sabiħa. Inkluż pajjiżna. Anki jekk qed neqirduha b’tant ħwejjeġ. Għalhekk, l-ewwel ċans li jkolli hu li noħroġ ftit barra għad-dawl tax-xemx ħanina jew mixja fil-kampanja jew noqgħod ftit inħares lejn l-għalqa li għandna quddiem il-kunvent. U meta jagħtini permess il-Provinċjal insiefer xi safra wkoll.

Fl-aħħar nett, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija jgħinni jkolli relazzjoni miegħi innifsi. U s-sigriet ta’ din ir-relazzjoni hu li nisma’ lill-Ispirtu s-Santu fija jgħallimni kif nieħu ħsieb tiegħi innifsi. Diġà semmejt is-safar, li għalija hu forma importantissma tal-mistrieħ. Imma anki ikla sabiħa ma’ nies li jfissru tassew għalija tagħtini seba’ ħajjiet! Hawnhekk nixtieq insemmi wkoll il-kitba li għalija hi tabilħaqq importanti. Għax il-kitba tħalli lill-ispirtu tiegħi jieħu u jagħti n-NIFS, lill-Ispirtu s-Santu!

Fi ftit kliem, għalija, il-valur tal-ħajja li nitgħallem mill-isptar hu TALB, XOGĦOL U RIKRJEAZZJONI. Mela, il-ħajja tal-kunvent, tal-monasteru, li hi l-ħajja tal-familja. Il-vera ħajja!

Għix issa għax darba tgħix!

Scroll to Top
Send this to a friend