Dalgħodu hemm mara li qed tbati

216| Ġunju 2023

Quddiem il-misoġinija ma nistgħux nibqgħu siekta

Dalgħodu hemm mara li se jkollha tmur s-Soup Kitchen għax spiċċat weħidha u flus għaliha u wlieda m’għandhiex; dalgħodu hemm mara li b’qalbha mtertqa qed tistenna appuntament l-isptar għall-operazzjoni li trid tagħmel; dalgħodu hemm mara li qed tibki t-tifel jew ir-raġel tagħha li miet fuq ix-xogħol snin ilu u l-ġustizzja mill-qorti għadha ma waslitx.

Dalgħodu hemm tfajla sejra l-iskola frustrata għax l-edukazzjoni tagħha mhu qed toffrilha xejn; dalgħodu hemm mara li tixtieq toqgħod d-dar trabbi ’l uliedha imma minħabba s-sistema ekonomika tagħna se jkollha bilfors toħroġ taħdem; dalgħodu hemm tfajla li għax mhux qed tara opportunitajiet u qed taħseb li titlaq minn pajjiżna.

Dalgħodu hemm mara ’l bogħod minn pajjiżna mbeżża’ li titlef ir-raġel jew it-tifel tagħha li ġie hawn Malta biex jibgħat flus lura lejn familtu, jaħdem fuq l-muturi li jserrpu mat-traffiku u t-toroq perikolużi tagħna; dalgħodu hemm mara mimlija biża’ fid-dar tagħha stess, qed ittella’ u tniżżel tmurx tirrapporta għax m’għandniex riżorsi biex niddefendi ruħha; dalgħodu hemm mara li qed tara ’l binha ħiereġ għax-xogħol u tibża’ għax jaħdem fil-kostruzzjoni.

Dal-aħħar smajna ħafna fuq l-media dwar il-kunċett tal-misoġinija, u hekk għandu jkun. Mara m’għandhiex tkun mhedda, ikkritikata, msawta, mgħajra, jew maqtulha sempliċiment għax hi mara. Imma tajjeb li nħaffru iktar fil-fond ta’ dan l-kunċett. Hemm ħafna nisa li qed ibatu f’pajjiżna u lil hinn minnhu, minħabba sistema ekonomika li qed tisħaq ‘il-bniedem.

In-nisrani ma jistax jibqa’ sieket quddiem din l-inġustizzja. Kliem Papa Franġisku meta ġie fi gżiritna jibqa jidwi b’sejħa qawwija: “l-impenn biex jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-tramuntana, jnaddaf il-kosta tal-pajjiż.”

In-nisrani għandu jkun minn ta’ quddiem biex joħloq soċjetà fejn tassew ikun hemm tqassim ġust tar-riżorsi tal-pajjiż,  għax aħna wkoll nisimgħu s-sejħa ta’ Ġesù: “agħtuhom intom x’jieklu.” U riżorsi għal kulħadd jeżistu (anke fil-gżira tagħna), basta ma jkunx hemm min jitħanżer.

Però dan it-twemmin jeħtieġ li nxerrduh b’wiċċna minn quddiem, u mhux għax aħna nsegwu partit jew ieħor, mhux għax għandna interess jew ieħor.  Għandna nxerrduh għax aħna nsara u nagħrfu l-importanza ta’ kulħadd li huwa maħluq fuq x-xbieha ta’ Alla u fuq dik ix-xbieha għandu jgħix. Kif qal tant tajjeb il-Papa, “fil-bażi ta’ tkabbir solidu hemm il-persuna umana, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull raġel u kull mara.”

Jeħtieġ verament naħdmu biex noħolqu soċjetà li grazzi għas-sistemi edukattivi, ekonomiċi u ta’ valuri, il-miżoġenija la jkun hemm post għaliha fil-kliem u l-anqas fl-għemil, għax kulħadd jistħoqqlu li jirċievi xejn iktar minn mħabba u dinjità għal dak li hu jew hi.

Scroll to Top
Send this to a friend