Ħadd mhu għar-rimi

208|Lulju 2022

“God does not make rubbish”. Din kienet il-frażi l-aktar magħrufa tal-isqof Malti Joseph Grech ta’ Sandhurst, l-Awstralja, li kien ħalliena ħabta u sabta għaxar snin ilu meta kellu biss 62 sena. L-isqof Joe kien konvint minn dil-verità u kien jirrepetiha ħafna: Alla ma jagħmilx imbarazz. Kull persuna—hi min hi, tagħmel x’tagħmel, għandha kemm għandha żmien—hi prezzjuża fiha nnifisha u għanda valur imprezzabli. Għalhekk ħadd mhu għar-rimi!

Papa Franġisku sikwit itanbar l-istess messaġġ. Inqas minn tliet xhur wara li sar Papa, kkundanna b’qawwa dik li hu jsejħilha l-“kultura tal-iskart”. Fl-udjenza ġenerali tal-Erbgħa 5 ta’ Ġunju 2013, ħeġġiġna noqogħdu attenti għax din il-kultura tal-iskart għandha t-tendenza li ssir mentalità komuni.

Jekk inħarsu sew fina u madwarna, malajr nilmħuha meta naraw kif, per eżempju, sirna naħlu u narmu l-ikel jew l-affarijiet li għandna. Bil-kontra tan-nanniet tagħna, li kienu joqogħdu attenti ħafna biex jieħdu ħsieb dak li kellhom u ma kienu jarmu xejn mill-ikel żejjed li kien jifdlilhom, aħna qed ninbidlu f’persuni u f’soċjetà insensibbli, li mhux dejjem għadna kapaċi nagħtu valur mistħoqq lil dak li għandna. Din hi ħaġa li għandha ġġegħelna nirriflettu, jekk mhux ukoll nistħu xi ftit, meta f’kull parti tad-dinja, sfortunatament, tant persuni u familji m’għandhom xejn jew qed ibatu l-ġuħ.

Imma l-“kultura tal-iskart” nistgħu narawha b’mod ċar fil-mod kif aħna u s-soċjetà tagħna nħarsu lejn u nistmaw lill-ħajja umana u lill-persuni l-oħra. Għax iva, aħna kapaċi narmu mhux biss l-iskart materjali li ma jkunx baqgħalu użu għalina. Kapaċi wkoll “narmu” persuni, narmu l-wegħdiet li nkunu għamilna lil xulxin, inwarrbu min-nofs il-valuri li rawmuna bħala poplu, u narmu l-għeruq u r-rabtiet komunitarji tagħna.  Inqisuhom bħala imbarazz għax jidhrilna li m’għadhomx jiswew jew jgħoddu għalina. U allura neħilsu minnhom!

Mhux ta’ b’xejn fl-istess udjenza, il-Papa kien qal hekk: “Il-ħajja umana, il-persuna, m’għadhiex titqies bħala valur primarju li wieħed għandu jirrispetta u jipproteġi, speċjalment jekk hi persuna fqira jew diżabbli, jekk għadha ma bdietx tiswa—bħat-tarbija li għadha fil-ġuf—, jew m’għadha tiswa għal xejn—bħall-anzjan.”

Il-kultura tal-iskart għandha t-tendenza li ssir mentalità komuni. Anke aħna nistgħu nittieħdu minnha, jekk mhux ukoll nispiċċaw nippromovuha.  U għalhekk jekk irridu li s-soċjetà tagħna tibqa’ msawra minn valuri insara u umani, irridu jkollna l-kuraġġ li nsaqsu mistoqsijiet iebsa dwar, per eżempju, kull liġi ġdida li l-pajjiż jaddotta:  din il-liġi lil min qed tarmi jew twarrab min-nofs? Lil min qed tinjora? Lil min qed tneħħielu l-valur tiegħu? Min se jgawdi minna u min se jbati u jispiċċa vittma tagħha? 

Qatt ma nistgħu naslu biex nagħżlu bejn dawk li f’għajnejna huma tajbin u b’saħħithom, u oħrajn li skont aħna jiswew inqas jew ma jiswew xejn. God does not make rubbish. Kull persuna hi prezzjuża fiha nnifisha. Għalhekk ħadd mhu għar-rimi!

Scroll to Top
Send this to a friend