SINJAL TA’ FUTUR ISBAĦ

AWWISSU/SETTEMBRU 2023 | 217

Il-Papa Franġisku huwa l-Papa tar-relazzjonijiet. Dwar dan kiteb enċiklika sħiħa – Fratelli Tutti. Probabbli fl-ebda enċiklika qatt inkitbet qabel ma nsibu Papa li jinkoraġġixxi lill-Insara biex jitbissmu lil xulxin. Il-lenti li minnu Franġisku jara r-relazzjonijiet huwa essenzjalment wieħed Kristjan: Bħala nsara, aħna rridu nirrelataw ma’ xulxin fi Kristu, ma’ Kristu u bi Kristu.

Dan deher ċar fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Portugall ix-xahar li għadda. Il-ferħ li jafu jġibu r-relazzjonijiet kien jidher fuq wiċċ il-parteċipanti kollha: ferħ profond, iċċentrat fuq Kristu. Il-Papa ma ltaqax maż-żgħażagħ u qagħad jippriedkalhom id-duttrina tal-Knisja. Il-messaġġ tiegħu kien wieħed sempliċi: ejjew naraw lil Kristu fina u fl-oħrajn. Ejjew nieqfu u nagħtu kas xulxin. U nitbissmu mill-ġdid lil xulxin! Il-miljun u nofs żagħżugħ u żagħżuha preżenti fehmu sewwa dan il-messaġġ.

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ wera li minkejja kollox, il-Knisja hija ħajja, dinamika, attraenti għal ġenerazzjonijiet ġodda. Minkejja li l-irwiefen tas-sekularizazzjoni huma kbar, minkejja li l-knejjes qegħdin sena wara sena dejjem jitbattlu, minkejja li nisimgħu bi skandlu wieħed wara l-ieħor, u minkejja l-polarizzazzjoni f’kampijiet differenti fi ħdan l-istess knisja qed tkompli tikber– il-ħajja ta’ Kristu għadha tbaqbaq fil-qalb ta’ ħafna u ħafna nsara.

Fil-Portugall inżergħet żerriegħa ġdida ta’ tama qawwija għall-Knisja. Il-ferħ fuq wiċċ iż-żgħażagħ kien priedka sabiħa ħafna aqwa minn waħda mimlija diskors. Il-ħeġġa u l-entużjażmu huma sinjal ta’ futur isbaħ. Issa jrid jasal żmien li dan kollu jnibbet u jħalli frott ta’ qdusija, umiltà, konverżjoni u servizz missjunarju f’ħafna u ħafna aktar fidili.

Iż-żagħżagħ preżenti fil-Portugall kienu u huma xhieda tal-fatt li mingħajr ma trid Ġesù jiġbdek lejh. Huma wrew li l-istorja ta’ ħajtu għada attraenti minkejja l-misteru, it-traġedja u l-glorja tagħha; kliem Ġesù  mhux biss huwa attraenti imma rilevanti, fuq kollox għal żmienna.

Il-Knisja teżisti biss biex tintroduċi u twassal bil-ferħ lil Ġesù fil-ħajja tan-nies. Dan hu l-kejl tas-suċċess  tal-ħidma tagħha. Ġesù biss huwa l-bidu u t-tmiem ta’ kull ma jsir fil-Knisja. Din hija l-Kerygma – l-Aħbar it-Tajba li l-Knisja qatt ma tista’ tieqaf ixxandar bil-ferħ u l-qawwa.

Aktar ma wieħed jisma’ l-kliem safi ta’ Ġesù, aktar wieħed isir jafu u jinġibed lejh. Permezz tiegħu, l-insara kollha, il-lajċi kollha, mhux biss il-kleru u l-isqfijiet u r-reliġjużi, iridu jħalluh ibiddlilhom ħajjithom biex imbagħad iwassluh lill-oħrajn. Ilkoll għalhekk nistgħu u hemm bżonn niddakkru mit-tama u l-ferħ li wrewna ż-żgħażagħ f’Lisbona.

Il-Papa qed jistedinna biex nimxu “il-mixja sinodali”  – u bħalma għamlu ż-żgħażagħ fil-Portugall, nisimgħu flimkien lil xulxin u naħdmu għal bini ta’ Knisja li tista’ tkun Gaudium et Spes –  lil dinja li tant tenħtieġ ferħ u tama.

Scroll to Top
Send this to a friend