Ma nistgħux nibqgħu siekta

216|Ġunju 2023

Mhux ta’ b’xejn li ftit tal-ġimgħat ilu, mijiet ta’ persuni daħlu l-Belt biex juru l-għadab tagħhom għall-istat tal-ambjent. In-nies qed tiddejjaq tgħix f’pajjiż kontinwament assedjat minn żvilupp bla rażan f’kull belt u raħal, f’Malta u Għawdex kollha.

Pajjiżna  hu gżira żgħira  fejn il-popolazzjoni qed tikber b’madwar 10,000 persuna kull sena. Il-bini dejjem jiżdied u jogħla ‘l fuq. Zoni li kienu jgħaxxquk bid-djar sbieħ tagħhom issa spiċċaw ġungla ta’ kaxxi tal-konkos. It-toroq huma dejjem iffullati bil-karrozzi lejl u nhar, m’hemmx Sibt u Ħadd. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar kulħadd qed iħossu fgat f’post li ma jistax jitwessa aktar.

Fejn qed jogħsfor il-ġmiel ta’ din l-art ħelwa? Għaliex?

Meta kien fostna l-Papa Franġisku wieġeb għalina hu din il-mistoqsija. Fakkarna li l-ambjent li ngħixu fih hu rigal mis-sema, kif mill-ġdid jagħraf l-Innu Nazzjonali li jitlob lil Alla jħares is-sbuħija ta’ din l-art. L-ambjent, qalilna l-Papa, għandu jkun imħares mir-regħba bla xabgħa, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li jikkompromettu mhux biss il-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni wkoll.

Il-politiċi tagħna donnhom imbeżżgħin jieħdu azzjoni li ma jmurx “Alla ħares qatt” ir-rota tal-ekonomija tiġġamja! Donnhom mhux lesti li jbiddlu l-policies biex jipproteġu dak li fadlilna mil-leblieba tal-iżvilupp. Mhux ta’ b’xejn li ħafna żgħażagħ, il-ġenerazzjoni ta’ għada, jistqarru li jridu jitilqu lil hinn minn pajjiżna.

Il-protesta nazzjonali favur l-ambjent li sabet l-appoġġ ta’ spettru wiesa’ politiku,  turi l-ħtieġa ta’ bidliet radikali ċari biex l-ambjent ma jibqax jiġi mkasbar.

In-Nisrani hu konvint li l-ambjent huwa wkoll “xbieha” tal-Ħallieq u ma jistax għalhekk jibqa’ sieket. Irid isemma’ leħnu u filwaqt li jkanta “Laudato Sii” lill-Mulej tal-ħolqien kollu, irid li jkun strument ta’ protezzjoni tal-istess ħolqien.  

Scroll to Top
Send this to a friend