Għadna kif iċċelebrajna l-aktar jum importanti għalina l-Insara: il-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Lil hinn mid-devozzjonijiet u d-drawwiet popolari, il-figolli u l-bajd taċ-ċikkulata, x’tifsira għandu għalina llum l-Għid il-Kbir?
Elfejn sena ilu, l-ewwel xhieda ta’ Ġesù, id-dixxipli tiegħu, marru jxandru mad-dinja kollha li Huwa kien ħaj mhux biss għax qam mill-imwiet imma għax issa kien qed jgħix f’nofshom u fihom. Il-qawmien tiegħu biddel ta’ taħt fuq lil ħajjithom u għamilhom nies ġodda. Issa kienu qed jgħixu l-kmandament tiegħu tal-imħabba fil-milja kollha tiegħu; għarfu li issa l-bnedmin kollha kienu aħwa, ulied tal-istess Missier – kif kien għallimhom huwa stess u għalhekk kull persuna hija prezzjuża u jixirqilha d-dinjità tagħha.
L-Għid ifisser qawmien, bidu ġdid, ritorn għall-ħajja, rebħa fuq il-ħażen, trionf tal-imħabba. Għal dejjem, l-Għid Imqaddes jibqa’ jippriedkalna l-ħtieġa li aħna għandna bżonn li kontinwament ninbidlu u niġġeddu jekk irridu nsiru persuni aktar umani u ngħixu flimkien f’soċjetà ġusta.
Dan hu preċiżament it-tifsira tal-kelma Lhudija Pasch: “li tagħmel pass ‘il quddiem”, li tmattar saqajk u ma tibqax fejn tkun, li tmur lil hinn mir-riżentimenti, il-biżgħat, id-differenzi, l-intolleranza, id-diskriminazzjoni, il-firdiet, u kull forma ta’ vjolenza u mewt.
Kemm bħala individwi kif ukoll bħala soċjetà lkoll għandna bżonn li nimxu ‘l quddiem lejn modi ġodda ta’ kif inġibu ruħna bejnietna b’mod aktar uman u ċivilizzat. Biżżejjed nirriflettu ftit dwar firdiet li nsibu fi djarna stess, il-kliem iebes u xi kultant diżgustanti fuq il-mezzi soċjali, it-tbatija li jgħaddu minna tfal vittmi ta’ separazzjonijiet; il-persuni vittmi ta’ vjolenza domestika, dawk li huma sfruttati fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom, anzjani mwarrbin f’xifer il-faqar, persuni li għax barranin jitħallsu paga baxxa, il-pjaga li dejjem tnixxi tal-abbuż tad-droga, u tant problemi soċjali oħrajn.
L-Għid il-Kbir għandu jwassalna biex nagħrfu li l-Qawmien ta’ Ġesù għadu sal-lum kapaċi jissarraf f’tama ġdida, f’tama għal rebħa dejjiema fuq il-fallimenti, il-weġgħat u l-imwiet li kuljum ikollna nħabbtu wiċċhom magħhom.
Kuljum il-ħajja tlaqqgħana ma’ diversi sfidi li kultant jidhru bla soluzzjoni. Imma l-Għid jisfidana biex aħna nxammru l-kmiem ħalli ndawru l-ħażin fit-tajjeb, biex dak li hu diżuman nibdluh f’uman, dak li hu medjokri inġibuh aħjar, biex il-gideb u t-tgħawwiġ nibdluh f’dak li hu veru u onest, biex minn kuxjenza mħawda nippurifikawha f’waħda nadifa u mdawla mis-sewwa.
L-Għid il-Kbir jurina li l-aħħar kelma mhijiex tal-ħażen. Hekk kif Ġesù qam minkejja li sallbuh, aħna wkoll nistgħu nqumu u nagħmlu pass ‘il quddiem, ninbidlu, u ngħixu ħajja ġdida bil-kotra.
L-Għid jġegħlna nwarrbu l-biża’ u l-qtigħ-il qalb u nqumu u nħaddnu ħajja li tixirqilna. It-tama ta’ ħajja aħjar, imdawla minn Kristu Rxoxt, kapaċi tidher fl-oqsma kollha tas-soċjetà, fil-politika, fil-qrati, fil-kwalità tar-relazzjonijeit ta’ bejnietna, fid-dinja tal-arti u x-xjenza, fil-ħidmiet tagħna ta’ kuljum.
Is-soċjetà tagħna hija mogħnija b’tant progress materjali, sbuħija naturali, tamiet għall-futur. Imma fostna wkoll dawk li qed ibatu minn inġustizzji, mehdija biss bil-mibegħda, mgħammdin bi preġudizzji.
Minna hu mistenni li nħaddnu ħajja ġdida – u nistiedu lil xulxin biex il-wegħda tal-Għid għall-ħajja bil-kotra nagħmluha tagħna.
L-Għid il-kbir jista’ jkun kull jum ta’ ħajjitna – kuljum nistgħu ngħaddu mill-qadim għall-ġdid, minn ħajja mdallma u mtaqqla għal waħda imqajma u abbundati li tagħti l-frott.