Kif nistgħu ntejbu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna?

210| OTTUBRU 2022

Filwaqt li r-relazzjonijiet kollha huma differenti, hemm xi karatteristiċi ewlenin li jgħinu jiddistingwu konnessjoni interpersonali b’saħħitha u oħra inqas b’saħħitha.

Onestà

F’relazzjoni b’saħħitha għandek tkun kapaċi tħoss li tista’ tkun inti innifsek. Filwaqt li l-koppji kollha għandhom livelli differenti ta’ kif bil-mod il-mod isiru jafu lil xulxin iżjed fil-fond, qatt m’għandek taħbi affarijiet importanti dwarek innifsek. Li tkun miftuħ u onest mas-sieħeb mhux biss jgħinek tħossok aktar qrib, iżda jgħin ukoll biex titkattar il-fiduċja.

Fil-bidu ta’ relazzjoni, huwa normali li żżomm lura minn kemm tiżvela informazzjoni dwarek. Maż-żmien, hekk kif l-intimità tar-relazzjoni tiżdied, il-koppja jibdew jiżvelaw aktar il-ħsibijiet, l-opinjonijiet, it-twemmin, l-interessi, il-fantasiji u l-memorji tagħhom lil xulxin.

Dan ma jfissirx li trid taqsam kull ħaġa mas-sieħeb tiegħek. Kull individwu għandu bżonn il-privatezza u l-ispazju tiegħu. L-aktar ħaġa importanti hi li kull individwu jħossu komdu jaqsam it-tamiet, il-biżgħat u s-sentimenti tiegħu. Koppji b’saħħithom m’għandhomx għalfejn ikunu flimkien il-ħin kollu jew jaqsmu kollox, sal-inqas ħaġa trivjali.

Madankollu, id-differenzi fl-opinjoni fuq kemm onestà għandu jkun hemm f’relazzjoni jistgħu jikkawżaw problemi u konflitti. Fortunatament, fi studju li ħdimt fuqu f’Ruma sibna li meta n-nies ma jkunux kuntenti bil-livell ta’ ftuħ (openness) tas-sieħeb tagħhom, ġeneralment jiddiskutu din il-problema mas-sieħeb tagħhom minnufih. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif tindirizza problema miftuħa li tista’ tgħin biex issaħħaħ relazzjoni.

Filwaqt li s-sieħeb tiegħek jista’ jkollu bżonnijiet differenti minnek, huwa importanti li ssib modi biex jintlaħaq kompromess, u ssib in-nofs triq bejn dawn il-bżonnijiet, waqt li tibqa’ żżomm il-konfini (boundaries) tiegħek stess. B’dan il-mod, tkun qiegħed tirrispetta kemm lilek innifsek kif ukoll lis-sieħeb. Il-konfini m’għandhomx x’jaqsmu mas-segretezza. Anzi, il-konfini jistabbilixxu l-bżonnijiet u l-aspettattivi ta’ kull persuna fir-relazzjoni.

Boundaries b’saħħitħom f’relazzjoni jippermettulek li tibqa’ tagħti prijorità lir-relazzjoni kif ukoll tibqa’ tagħmel l-affarijiet li huma importanti għalik bħal, ngħidu aħna, toħroġ mal-ħbieb, iżżomm il-privatezza tiegħek u żżomm id-delizzju tiegħek, waqt li tibqa’ taqsam affarijiet importanti mas-sieħeb tiegħek.

Rispett reċiproku

F’relazzjonijiet b’saħħithom, in-nies għandhom rispett lejn xulxin. Huma ma jirredikolawx lil xulxin u joffru appoġġ u sigurtà. Hemm numru ta’ modi differenti kif il-koppji jistgħu juru rispett lejn xulxin.

Dawn jinkludu:

  • Nisimgħu u nifhmu lil xulxin
  • Ma tipprokrastinax meta s-sieħeb tiegħek jitlob li tagħmel xi ħaġa jew pjaċir
  • Tifhem u taħfer meta persuna tagħmel żball
  • Nibnu lil xulxin; mhux inkissru lil xulxin
  • Tagħmel post f’ħajtek għas-sieħeb tiegħek
  • Tħallix lill-ġenituri tiegħek jindaħlu fir-relazzjoni tagħkom
  • Ħu interess fl-affarijiet li jogħġbu lis-sieħeb tiegħek
  • Ħalli lis-sieħeb tiegħek ikollu l-individwalità tiegħu
  • Appoġġja u inkoraġġixxi lis-sieħeb tiegħek fil-passjonijiet tiegħu
  • Uru apprezzament u gratitudni lil xulxin
  • Uru empatija ma’ xulxin.

Scroll to Top
Send this to a friend