Aħna pajjiż uniku! M’għandniex Jum Nazzjonali. Minflok, għandna ħames festi nazzjonali!
Għadu kif għadda Settembru li fih iċċelebrajna tnejn minnhom – Il-Vitorja u l-Indipendenza. Kull festa nazzjonali għandha mhux biss l-iskop li tkun sempliċiment ġurnata vaganza, imma li bħala nazzjon niċċelebraw dak li lilna jagħmilna Maltin. Hekk per eżempju l-festa tal-Indipendenza tfakkarna li minkejja ċ-ċokon tagħna, aħna nazzjon sovran, indipendenti, ragħjna f’idejna. Kull jum nazzjonali għandu jfakkarna li għalkemm pajjiżna għandu storja kbira u twila, kien biss 58 sena ilu, li bdejna mmexxu lilna nfusna u mhux imexxuna; kien biss f’dan il-perjodu pjuttost qasir li kollox beda jiddependi minna, mill-kapaċitajiet tagħna, mid-dehen u l-ħidma tagħna.
Il-festi nazzjonali għandhom jgħinuna naħsbu, u nsaqsu lilna nfusna kif sejrin bħala nazzjon. Irridu naraw kemm tassew kbirna fl-għarfien li aħna sid artna, li l-gvern, indipenditament mill-partit li jkun imexxih, huwa tassew gvern ta’ kulħadd. Li jekk per eżempju, qed “nisraq” lill-Gvern, li jekk nonqos milli nħallas it-taxxi kif suppost, li jekk ma jimpurtanix u ma nibżax għall-proprjetà pubblika, inkun qed nisraq lill-istess pajjiżi; li nkun qed ngħin biex pajjiżi ma jiżviluppax kif suppost u kif jixraq.
Tajjeb għalhekk insaqsu: kemm tassew kibbret fina kuxjenza nazzjonali, imħabba speċjali għal artna. Jista’ jagħti l-kas li bil-kliem ngħidu kemm inħobbu lill-artna, imma din l-imħabba għadha mhux qed tissarraf f’atti ta’ responsabbiltà għall-ġid komuni.
Dan biex ma nsemmux punti oħra bħal ngħidu aħna imħabba lejn l-istorja ta’ pajjiżna, il-wirt nazzjonali u storiku tagħna, lejn dak kollu li writna matul is-snin. Kemm per eżempju żgħażagħ studenti jħarsu lejn l-istudju tal-istorja sempliċiment bħala suġġett ieħor li trid tistudja bilfors? U l-istess mod lejn il-letteratura tagħna, u fuq kollox lejn il-lingwa tagħna? Lejn dak kollu li jagħmilna nazzjon?
Id-dinja li qed ngħixu fiha qed toffrilna opportunitajiet u orizzonti ġodda imma qed tpoġġilna wkoll sfidi serji. Biżżejjed insemmu r-riċensjoni ekonomika internazzjonali ikkawżata minn taqlib politiku kbir li għaddejjin minnu, il-bruda kiesħa tal-pajjiżi sinjuri lejn il-bidliet fil-klima; gwerra mdemmija fuq l-għatba tal-Ewropa li kapaċi twassal għal konsegwenzi koroh; u l-imigrazzjoni ta’ popli sħaħ lejn il-pajjiżi tagħna.
Meta l-Papa Franġisku kien fostna f’April li għadda qal li pajjiżna jirrappreżenta l-jedd u s-saħħa taċ-“ċkejknin”, tan-nazzjonijiet żgħar imma għanja fl-istorja u fiċ-ċiviltà.
Quddiem futur imqalleb, irridu nibqgħu niftakru li minkejja ċ-ċokon tagħna aħna xorta waħdi pajjiż sinjur! U għalhekk, irridu nqumu mir-raqda u mil-letarġija nazzjonali li ninsabu fiha: irridu nindunaw li aħna nazzjon u ma hemm ħadd jagħmel tajjeb għalina, irridu nagħrfu li għalkemm żgħar, aħna nies li kapaċi nqumu għal kull sfida, li iva pajjiżna jista’ jkun pajjiż fejn ħajjitna nistgħu inkomplu ntejbuha fi spirtu ta’ għaqda, tolleranza u rispett wieħed lejn l-ieħor.