Mons. Charles J. Scicluna – Arċisqof ta’ Malta
Il-festi
Ġesù qed jitlob fuqna l-imħabba, il-paċenzja, it-tolleranza u aħna nfettqu fuq l-affarijiet li quddiem l-eternità m’għandhomx sens, ma jiswewx. Jagħmel sens li nġelldu l-madonni f’ċerti paroċċi, l-istess titli tal-Madonna inġellduhom? Ma tagħmilx sens.
2 ta’ Ġunju, 2022
Il-korruzzjoni
Fis-soċjetà, jekk nisirqu ’l xulxin, ma nobdux il-liġijiet, inxaħħmu lill-uffiċjali pubbliċi biex jaqduna jew jgħawġu liġi għall-interessi tagħna, inkunu qegħdin nagħmlu bħalma jagħmlu ċertu insetti: mingħalik għandek banketta, toqgħod fuqha u taqa’ bik għax minn ġewwa kollha susa. Il-korruzzjoni hija s-susa tal-pajjiż; kollox sabiħ minn barra u mgħawwar minn ġewwa.
7 ta’ Ġunju, 2022
It-tnissil tal-ħajja
U meta nirreferu għal tarbija nkunu qed ngħidu għall-bidu tal-ħajja, mit-tnissil. Ma noqogħdux nilagħbu! Anke jekk ikun hemm xi ħadd bil-kullar u jgħidilkom li għax il-filosofi u l-għorrief jgħidu li mhux mat-tnissil. It-tagħlim huwa ċar ħafna: il-ħajja umana tibda mit-tnissil u rridu nirrispettawha, hi min hi u hi f’liema ċirkustanza hi.
9 ta’ Ġunju, 2022
It-tarbija jew l-omm?
Jekk ma tistax issalva t-tarbija, l-ebda liġi ma tgħidlek li l-omm tħalliha tmut; lanqas il-liġi ta’ Malta. Ma hemmx għalfejn nintroduċu l-abort biex insalvaw lill-omm.
23 ta’ Ġunju, 2022
L-ambjent
L-għeruq tagħna ma jistgħux jikbru fil-konkos u s-siment. Min jista’ jifhimni, ħa jifhem.
29 ta’ Ġunju, 2022