Tibżax toħlom dal-Milied!

212 | Diċembru 2022

Kull Milied, sena wara sena, dejjem tiġini ħasra mill-figura ta’ San Ġużepp, kif rappreżentata fil-prespji u x-xeni natalizji tagħna. L-arti dejjem pinġitu bħala persuna xwejħa, ħafna akbar fl-età minn Marija. Dawk li jagħmlu l-pasturi jippruvaw jagħmluh ukoll jidher ixjeħ, għalkemm mhux dejjem jirnexxielhom!  Tiġini ħasra għalih għax ħadd mill-evanġelisti ma ġietu f’rasu jwasslilna ftit x’seta’ qal dan il-persunaġġ tant importanti fid-drama sħiħa tal-Milied.

Meta diversi snin ilu kont mort Kajr u żort il-knisja kopta ta’ Marija l-Verġni, laqtitni immens ikona li turi l-ħarba tas-Sagra Familja lejn l-Eġittu. Marija tidher bilqegħda fuq ħmar, b’Ġesù kuntent f’ħoġorha imma b’subgħajh jipponta lejn San Ġużepp li qed jimxi bilwieqfa warajhom. Ġużeppi jidher ferħan se jtir, b’arja fuqu ta’ protezzjoni, b’għajnejh imsammrin fissi fuq Ġesù. Din il-komunikazzjoni “siekta” bejn Ġesù u Ġużeppi tidher tant profonda! Nimmaġina li Ġesù qed jgħidlu, “huwa grazzi lilek li rnexxielna naħarbu mill-qilla ta’ Erodi.” U Ġużeppi qed iwieġeb, “u le, ma tarax, int tiswa ħafna aktar minn kull inkwiet li hawn fid-dinja, u minn kull tbatija li tista’ tikkawżali!”

Lil Ġużeppi nistgħu nsejħulu verament “paraklitu” – protettur, gwardjan, xi ħadd li jieħu ħsiebek u jaqbeż għalik. Imma Ġużeppi wkoll kien bniedem “tal-ħolm” – mhux biss joħlom imma jafda fil-ħolm tiegħu. Fl-Evanġelju tar-Raba’ Ħadd tal-Avvent (Mattew 1:18-25) insibuh jisma’  minn dak li kien qallu l-anġlu fil-ħolm. Hu kien pront ħa lil Marija bħala martu, minkejja kollox! Aktar tard, joħlom li deherlu anġlu fejn jgħidlu biex jaħrab lejn l-Eġittu u jieħu miegħu lil Marija u t-tarbija Ġesù. U jitlaq dak il-lejl stess! U wara, l-anġlu jerġa’ jidhirlu biex jgħidlu li issa jista’ jmur lura Iżrael, u jterraq lejn il-Galilea. U hekk jagħmel!

F’kull waħda minn dawn l-okkażjonijiet, ma hemm l-ebda “għala” u “imma” u “kif”. Ġużeppi sempliċiment jafda u f’qalbu u f’għemilu jgħid “iva”. U għalhekk naħseb li mhux sewwa meta Ġużeppi jitpinġa bħala raġel ġwejjed, bla ħila u aktar u aktar bla rieda. It-tweġiba tiegħu, bħal dik ta’ Marija, hija waħda ta’ missier kuraġġjuż, li ma jibżax jieħu deċiżjonijiet iebsa għall-ġid ta’ familtu; imma li finalment jagħtu l-ħajja u jġibu l-frott. Id-dispożizzjoni tiegħu li joqgħod fuq dak li ra u sema’ fil-ħolm,  ħolqu spazju fejn il-ħajja ta’ Alla fid-dinja setgħet tikber u tiffjorixxi.

Dal-Milied, tiskantax jekk Alla bħal Ġużeppi jkellmek permezz tal-ħolm. Kun lest li tgħidlu iva wkoll.

Scroll to Top
Send this to a friend