Ma nafx kellikx l-esperjenza li tkun taf bniedem mill-viċin għal bosta snin, imbagħad jinqala’ xi ħaġa fejn tiskopri xi aspett moħbi li qatt ma jkun għaddielek minn rasek. Per eżempju, xi kollega fuq ix-xogħol issir taf b’kumbinazzjoni li hu pittur ta’ ċerta portata.
Hekk ġralhom xi Insara li kienu midħla ta’ Ġesù mhux ħażin imma ġew wiċċ imb’wiċċ m’aspett li qatt ma kienu apprezzaw qabel. Ħalli nagħmel imħatra! Fit-talb tiegħek lejn il-Mulej Ġesù żgur użajt titoli bħal, “Mulej”, “Ragħaj”, “Salvatur” ; imma qatt iltqajt miegħu bħala Ġesù l-Għammiedi fl-Ispirtu? Jew bl-Ingliż, “ Jesus, the Baptiser in the Holy Spirit”? Interessanti li din mhix xi rwol periferali ta’ Kristu, għax Ġwanni l-Għammiedi qal fuqu nnifsu li hu jgħammed bl-Ilma imma minn ġej warajh, jiġifieri Kristu, li hu dak li jgħammed bl-Ispirtu u bin-nar. Bħallikieku attribwielu funzjoni li mhux biss hija tiegħu imma tidentifikaH. Fl-Atti tal-Appostli, Ġesù nnifsu jaqbad il-kliem ta’ Ġwanni u jorbtu mal-wegħda li ta lill-Appostli li kellhom jirċievu u jitlibbsu b’”qawwa minn fuq”.
Din il-wegħda li seħħet f’ Pentekoste għadha tapplika għalina illum? Iċ-ċiklu Liturġiku jqiegħed il-festa ta’ Pentekoste li għadna kif iċċelebrajna proprju fil-quċċata ta’ żmien il-Għid.
Kif nafu il-Liturġija mhix biss kommemorazzjoni imma hija esperjenza attwali fejn dak li ġara fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, jissaħħaħ u jiġġedded fi żmienna. L-Appostli raw id-disfatta tas-Salib, raw ir-rebħa tal-Qawmien, raw it-tlugħ glorjuż ta’ Ġesù fis-sema. Imma obdew l-istruzzjoni ċara ta’ Ġesù li ma jiċċaqalqux minn Ġerusalemm sa ma jiġi fuqhom l-Ispirtu s-Santu.
Wieħed biss jista’ jgħammed bl-Ispirtu: Kristu. Sagramentalment dan sar. Imma bħall- kompjuter li wieħed jirċievi, dan isir verament ta’ utilità meta toħorġu mill-kaxxa, tixgħelu, u tibda tużah fil-prattika. Meta San Pawl qal lil Timotju biex irewwaħ il-fjamma, dan qalu wkoll lili u lilek. Kull wieħed u waħda minna jrid jinfetaħ għal din id-dimensjoni fundamentalment Nisranija: dik li tkun mimli bl-Ispirtu s-Santu.
Fost il-ħafna mudelli ta’ Knisja li ġew proposti matul is-snin, wieħed jeħtieġ jinduna bil-mudell li offra San Pawl – dik ta’ kommunità fejn il-membri jeżerċitaw doni differenti tal-Ispirtu s-Santu. Dan mhux biss ideal, imma jiftaħ possibilitajiet enormi għall-futur tal-Knisja u tal-umanità. Meta kull Nisrani b’mod konxju jilqa’ fih ‘l Ispirtu s-Santu u jilqa’ b’ħafna dixxerniment x’inhuma d-doni spiritwali li l-Ispirtu tah biex jeżerċithom fil-Kommunita Ekkleżjali, allura l-wiċċ tal-parroċċi tagħna jinbidel radikalment.
U mbagħad, nistgħu nitkellmu bis-sens fuq sinodalità u fuq is-sorpriżi tal-Ispirtu, għax inkella jiġrilna li t-tehwdin ta’ moħħna jitħallat mat-tnebbiħ ta’ veru li ġej minn Alla. Jekk il-Knisja trid timxi bħala Poplu t’Alla u tagħmel impatt fuq is-soċjetà, din trid tgħaddi minn esperjenza individwali u kollettiva ta’ Pentekoste ġdid.
Dan tista’ tittimbrah bħala Tiġdid Kariżmatiku jew Pnewmatiku jew … l-importanti mhux xi ssejjaħlu imma li tgħaddi minnu bħala sine qua non. Din mhix xi forma ta’ spiritwalità fost ħafna alternattivi imma hi t-triq għat- tiġdid awtentiku tal-Għarusa ta’ Kristu.
L-esperjenza ta’ Pentekoste sakemm tkun biss kommemorazzjoni ta’ x’għadda minnhom l-Appostli mijiet ta’ snin ilu, din tkun pseudo-esperjenza. Imma dan hu l-mument meta Ġesù jordnalna li nieqfu u nidħlu fil-kamra ta’ fuq u nieħdu paċenzja nistennew.
X’nistennew? Nistennew li l-maġġoranza tal-imgħammdin jilqgħu l-magħmudija fl-Ispirtu u jibdew jgħixu fuq dimensjoni ġdida ta’ aċċettazzjoni konxja tal-Ispirtu. It-traġedja hi li eluf ta’ Maltin irċevew is-Sagramenti tal-Inizzjazzjoni (Magħmudija, Griżma u Ewkaristija) u dawn tefgħuhom fl-iskipp ta’ ħajjithom… din hi ħaġa tal-biki.
Sa ċertu punt hi aktar tal-biki li fil-kommunità nisranija hemm daqshekk nuqqas t’għarfien għall-ħidma fundamentali tal-Ispirtu s-Santu. Tant hu hekk li meta wieħed jitkellem fuq dan is-suġġett jew jgħodduk b’fanatiku jew inkella joġġezzjonaw li n-nies ma tistax tkellimhom b’teoloġija tqila.
X’niċċelebraw f’ Pentekoste – ġrajja tal-bieraħ jew avveniment tal-lum? Jekk tfittex tinduna li, jekk trid, hawn min hu lest jakkumpanjak sakemm int ukoll idduq il-benna tal-Ispirtu.
Fil-parabbola tat-talenti, l-aħħar wieħed ħeba t-talent tiegħu u ġie mċanfar. Nibża’ li fil-każ tagħna, se jkollha tiġi ivvintata kategorija ġdida. “Mulej l-anqas biss ħadd qalli li inti tajtni xi talent, aħseb u ara kemm ħaddimtu”.
Kemm ili nisma’ omeliji fuq din il-parabbola, dejjem attribwew it-talenti bħala kwalitajiet naturali. Imma wara t-tagħlim ta’ San Pawl fuq id-doni, it-talenti tal-Vanġelu ma jeskludux il-kapaċitajiet umani imma aktar jitkellmu fuq dawk sopranaturali.
X’se nagħmlu? Ser nibqgħu nostru din id-dimensjoni lill-poplu t’Alla? Lajċi, reliġjużi u saċerdoti ilkoll għandna bżonn ta’ Pentekoste ġdid f’ħajjitna. Ġesù imlebleb biex jgħammidna fl-Ispirtu. U aħna?