‘X’miraklu! Il-pilota rnexxielu iniżżel l-ajruplan b’mod sigur’. ‘Veru miraklu li hija baqgħet ħajja wara ħabta bħal dik!’. ‘Tassew miraklu li s-sewwieq kien tard għax-xogħol dakinhar li l-ħelikopter waqa’ fuq il-kabina tiegħu għax kieku żgur li llum mejjet’. Kemm-il darba qrajna fil-ġurnali dwar inċidenti straordinarji fejn dak li jkun jiddeskrivihom bħala ‘mirakli’. Il-kelma ‘miraklu’ ġejja mill-kelma Latina ‘miraculum’ li tfisser ‘tal-għaġeb’.
L-għan tiegħi f’dan l-artiklu huwa biss dwar it-tifsira ta’ ‘miraklu’ fi ħdan it-tradizzjoni Kristjana, u bidu tajjeb insibuh fil-vers fl-Atti 2:22 fejn niltaqgħu mat-tliet kelmiet li flimkien jagħmlu l-miraklu, hekk kif insibuhom fit-Testment il-Ġdid:
‘Ġesu’ ta’ Nażaret kien Bniedem akkreditat minn Alla lilkom permezz ta’ mirakli [dunamis], egħġubijiet [teras] u sinjali [semeion], li Alla wettaq fostkom bis-saħħa Tiegħu, kif intom stess tafu.’
Il-kelma teras tirreferi għall-avveniment li joħloq għaġeb, mentri dunamis tattira attenzjoni għall-kawża tiegħu ġejja mill-qawwa t’Alla. Semeion tirreferi għall-għan tiegħu bħala sinjal. Teras mhijiex applikata għall- miraklu fiha nnifisha, imma spiss tintuża flimkien ma’ semeion, u, hekk, huwa rifless il-punt li l-Bibbja tagħmel prinċipalment mas-sinifikat, aktar milli mal-ispettaklu, tal-mirakli.
Għaldaqstant, l-episodju fejn ġiet imbiegħda l-maltempata qawwija (Mattew 8:23- 27) huwa sinjal tal-qawwa ta’ Ġesu’ fuq il-ħolqien, u mogħtija mill-Missier; filwaqt li l-mirakli ta’ fejqan (eż. Tal-paralitiku f’ Mark 2:1-12 u tal-bniedem għama fi Ġwanni 9:1-7) huma sinjali tal-ħila ta’ Kristu li jagħmel lill-bniedem komplet f’kull sens. Il-miraklu suprem tal-qawwa ta’ Ġesu’ fuq il-mewt, bħal ma ġara f’Lazzru, u, aqwa, fuq il-mewt Tiegħu stess, huwa sinjal li l-mewt fiżika mhix it-tmiem għaliex teżisti l-ħajja eterna. Din ix-xorta ta’ ħajja tibda għal dawk li jafdaw lil Kristu Rxoxt fil-maħfra ta’ dnubiethom u li mbagħad jittrasformaw ruħhom fl-immaġini Tiegħu.
Allura x-xjenza fhiex tidħol f’dan kollu? Il-liġijiet tax-xjenza jiddeskrivu dak li normalment jiġri u ġieli jiġu deskritti bħala ‘l-użanzi t’Alla’. Imma jekk Alla, bħala dak li jista’ kollox, jagħżilx li jaġixxi b’mod differenti u b’għan partikolari bħala sinjal jew le, dak f’idejH. M’hemmx għalfejn jinkitbu mill-ġdid il-liġijiet xjentifiċi peress li avvenimenti uniċi bħal dawk mhumiex ‘aġir normali’. Il-liġijiet xjentifiċi huma bħall-mapep li jiddeskrivu l-mod kif id-dinja hi imma ma jiddettawx kif għandha tkun. Miraklu mhuwiex Alla li jaġixxi fejn normalment ma jaġixxix, iżda Alla li jaġixxi differenti mis-soltu. Il-ħolqien t’Alla huwa billi jagħti l-ħajja u jsostni l-ħajja, u parti mill-ħolqien hija s-sovranita’ tiegħU meta bi skop partikolari jitbiegħed min-normalita tal-bniedem u n-natura, sabiex jilħaq l-għan tiegħU.
M’għandniex inkunu kreduli billi nemmnu lil kull min jallega li sar xi miraklu. Il-qerq u l-immaġinazzjonjiet jeżistu. L-evidenza hija meħtieġa. Għalhekk San Pawl, meta jirreferi għall-avveniment uniku tal-qawmien ta’ Ġesu’ Kristu, jixhed li Kristu deher lid-dixxipli u jsaħħaħ dik ix-xiehda billi jistqarr, ‘Wara dan, deher lil aktar minn ħames mitt ħutna, li ħafna minnhom għadhom ħajjin …’ 1 Korintin 15:6
Għadhom iseħħu l-mirakli fi żmienna? It-tweġiba għal din il-mistoqsija trid tibda billi nirrikonoxxu li Kristu huwa l-istess wieħed bħal dak tal-bieraħ, tal-lum u għal dejjem. Mattew jgħidilna li l-ministeru ta’ Ġesu’ fuq din l-art kien jikkonsisti fl-ippriedkar, it-tagħlim u l-fejqan (Matt. 4:23). Ġesu’ għadu l-istess illum għaliex qed ikompli jippriedkalna, jgħallimna u jfejjaqna. L-isfida vera hija li wieħed ikun kapaċi jirrikonoxxi l-mirakli ta’ Ġesu’ llum il-ġurnata. Jien nemmen li l-mirakli jistgħu, u effettivament iseħħu fil-fatt madwarna llum.
Hekk kif nirrifletti fuq it-tliet aspetti kbar tal-ministeru ta’ Ġesu’ (il-priedka, it-tagħlim u l-fejqan) u fuq dak li qed jiġri madwarna, illum aktar minn qatt qabel, nintebaħ li għandna bżonn il-qawwa liema bħalha tal-ministeru tal-fejqan ta’ Kristu. Għandna bżonn ħafna lil Ġesu’ biex ifejjaq lid-dinja tagħna b’mezzi kemm naturali kif ukoll sopranaturali. U hekk kif Jagħmel hekk, j’Alla ikattar il-fidi tagħna u l-qima tagħna lejH!