Nistgħu ngħidu li ftit huma dawk li jżuru lil Għawdex u ma jmorrux sas-Santwarju Ta’ Pinu. Dan il-post sabiħ u ta’ ġabra, nistgħu nsejħulu oasi spiritwali. Hekk kif tidħol fih bħal donnu l-qalb tistrieħ u ruħek tilbes mantar ta’ sliem. Imma l-madwar tas-Santwarju joffrilna wkoll okkażjoni ta’ mixja spettakolari. Wieħed jista’ jagħmilha kmieni filgħodu, inkella tard wara nofsinhar, meta x-xemx tkun battiet mill-qilla tagħha. Wieħed jista’ jibda jew minn ħdejn is-Santwarju, inkella minn biswit il-knisja parrokkjali tal-Għarb.
Il-villaġġ sabiħ tal-Għarb jissejjaħ hekk għax dan l-isem bil-Malti antik ifisser il-“Punent”. Dan għaliex l-Għarb huwa r-raħal li jinsab l-aktar fil-punent tal-gżira Għawdxija.
Il-knisja parrokkjali tal-Madonna tal-Viżitazzjoni hija ġawhra arkitettonika, waħda mill-aktar knejjes perfetti ta’ gżiritina. Din ġiet iddisinjata propju fuq il-knisja ta’ Sant’Anjeże, tal-arkitettet famuż Barokk, Borromini, u li tinsab fi Pjazza Navona, f’Ruma. Innota l-istatwi li jsebbħu din il-knisja minn barra. Jekk ikollok ċans, idħol ġewwa u tpaxxa bis-sbuħija tagħha.
Minn hemm, aqbad it-triq li tieħdok lejn il-kappella antika ddedikata lill-Isqof Martri San Dimitri, ta’ fama kbira leġġendarja. Waħda mid-diversi leġġendi marbutin magħha tgħid li mara xwejħa marret titlob lill-qaddis biex isalva mill-iskjavitù lil Mattew, l-uniku binha. Ġara li San Dimitri niżel hu u ż-żiemel tiegħu mill-inkwadru titular u mar ġab lil binha lura.
Minn hemm tista’ titgħaxxaq bix-xena mhux tas-soltu, kemm tal-Fanal tal-Ġurdan kif ukoll tas-Santwarju ta’ Pinu. Minn hemm tibqa’ miexi għal Wied il-Mielaħ. Dan il-wied hu mżejjen bi flora liema bħalha, speċjalment fiż-żmien tar-rebbiegħa u l-ħarifa. Il-madwar tiegħu huwa, biex ngħidu hekk, wirja botanika tal-veġetazzjoni tipika tal-Mediterran.
Minn hemm it-triq tieħdok għal Wied l-Għasri u għat-telgħa tal-Fanal tal-Ġurdan. Hija telgħa iebsa u kemm xejn diffiċli, imma tpattilek lura veduta immensa ta’ bħal donnu tapit tal-għoljiet ta’ Għawdex, kif ukoll toffrilek xena immensa tal-baħar ikħal Mediterran.
Jingħad li fis-sena 1667 il-Kavallieri ta’ San Ġwann diġà kienu bnew fanal fuq dik l-għolja. Dak li hemm illum inbena mill-Gvern Kolonjali Ingliż f’nofs is-seklu Dsatax.
Fit-Tieni Gwerra Dinjiia, il-Fanal serva bħala stazzjon tar-radar u kien jipprovdi informazzjoni dwar l-ajruplani li kienu jiġu jattakkaw lill-Gżejjer mill-Italja ta’ isfel. B’hekk, kienu jistgħu jindaqqu s-sireni bħala twissija qabel jaslu l-ajruplani.
Il-Fanal huwa 180 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar, u d-dawl tiegħu, li jpetpet kull 7.5 sekondi, jista’ jidher sa minn 20 mil nawtiku ‘l bogħod.
Minn ħdejh, wieħed jista’ jgawdi l-veduta, tista’ tgħid, tal-gzira kollha Għawdxija.
Eventwalment, il-mixja tieħdok għas-Santwarju Ta’ Pinu. Illum nistgħu ngħidu li mijiet ta’ nies iżuruha kuljum. Wieħed għandu japprezza mhux biss l-arti interna tal-knisja imma x-xogħol artistiku ta’ barra. L-aħħar xogħol tal-irħam li sar fil-pjazza ta’ quddiem is-Santwarju hu meravilja ta’ opra immensa fl-irħam. Minn hemm wieħed jista’ faċilment imur lura lejn l-Għarb. Dlonk it-triq wieħed għandu japprezza s-sbuħija tal-għelieqi Għawdxin.