Mis-Siġġiewi għall-Fawwara

Ħarġa 206 | Mejju 2022

Il-medda tal-art bejn is-Siġġiewi, ir-Rabat u Ħad-Dingli hija magħrufa bħala “tal-Fawwara”. It-toponomastika ta’ dan il-lokal ġejja minn għajn antika ħafna li hemm f’dawk l-inħawi, magħrufa għall-kwantità ta’ ilma li jnixxi minnha. Iż-żona hija tassew sabiħa u pittoreska, u fil-maġġor parti tagħha għadha ma tilfitx il-ġmiel naturali tagħha bl-iskuża tal-iżvilupp.

Fil-lbiċ ta’ Malta, l-għoljiet ta’ Żuta u ta’ Ġebel Ciantar, barra milli jagħtu lil Malta l-kenn mill-irjieħ qawwija tat-Tramuntana u tal-Majjistral, jagħtuha wkoll l-ilma li jixorbu mix-xita u li waqt li jkun sejjer jiżżerżaq għal ġol-baħar ta’ taħtha, isib is-saff tat-tafal li jżommu milli jinżel aktar ‘il isfel għal ġol-blat. Minn fuq is-saff tat-tafal joħorġu l-miġriet ta’ ilma ġieri li l-Fawwara hija magħrufa għalihom. Huma dawn il-miġriet, flimkien mal-blata dejjem friska ta’ taħt il-ħamrija li jagħtu l-uċuh sbieħ u mimlijin benna tar-raba’ tal-Fawwara.

Biex wieħed jilħaq dil-medda jrid jaqbad it-triq li mis-Siġġiewi tieħu għar-Rabat sakemm jiltaqa’ ma’ statwa ta’ ruħ fil-Purgatorju u mbagħad idur fuq ix-xellug u jibqa’ dieħel ‘il ġewwa.

Fil-Fawwara nsibu żewġ knejjes żgħar: l-ewwel waħda ddedikata lill-Annunzjazzjoni tal-Madonna, fil-waqt li t-tieni waħda, dik mibnija aktar ‘il ġewwa fil-wied, hija ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Dil-knisja hija mibnija fuq l-għajn fawwara li minnha ħadet isimha l-art.

Sas-snin sittin, fil-Fawwara, li tifforma parti mill-parroċċa tas-Siġġiewi, kien għad hemm numru mdaqqas ta’ familji jgħixu fl-irziezet tagħhom. Għalhekk kien inħass il-bżonn li kemm it-tfal kif ukoll il-kbar jingħataw edukazzjoni adegwata. Il-knisja tal-Lunzjata, li fiha kien isir il-quddies regolari kif ukoll it-tagħlim tal-katekiżmu, bdiet isservi wkoll bħala skola meta wara t-Tieni Gwerra l-edukazzjoni primarja saret obbligatorja sal-età ta’ 14-il sena.

Fl-1954 inbniet skola governattiva ftit passi ‘l bogħod mill-kappella – liema skola baqgħet miftuħa sal-1968 meta t-tfal fil-Fawwara naqsu sew minħabba li ħafna mill-familji marru joqogħdu s-Siġġiewi. Illum il-binja ta’ din l-iskola qed tintuża bħala ċentru tar-riċerka u prattika fl-Edukazzjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli (ESD) tal-Università ta’ Malta.

Bħalma għedna, l-għajn tal-Fawwara ilha għal sekli sħaħ magħrufa għall-abbundanza tal-ilma li kienet tnixxi minnha u li kien jintuża għall-għelieqi ta’ dawk l-inħawi. L-ilma kien jinġabar fl-għalqa-ġiebja ta’ quddiem il-mina tal-għajn, li llum tinsab taħt il-knisja tal-Karmnu, u l-bdiewa kienu jieħdu l-ilma minn hemm.

Prattikament nistgħu ngħidu li l-bdiewa tal-Fawwara kienu jgħixu bl-ilma ta’ din l-għajn.

Leġġenda tgħid li fil-bidu tas-seklu sbatax kien hemm nixfa kbira, tant li l-ġiebja tal-għajn nixfet u deher li l-għajn waqfet tnixxi l-ilma.

Naturalment, dan in-nuqqas ħasseb sewwa lill-bdiewa li kienu jafu li mingħajr l-ilma tal-għajn setgħu jaqtgħu jieshom minn ħsad tajjeb ieħor. Dan l-inkwiet dwar l-inċertezza tal-ġejjieni tagħhom wassal lil Ġlorma Ciantar, li kienet sid ta’ diversi għelieqi f’dawk l-imkejjen, biex tagħmel wegħda lill-Madonna li jekk l-ilma jerġa’ jfeġġ fl-għajn, hija tibnilha knisja f’waħda mill-għelieqi tagħha.



L-ilma ma damx ma reġa’ beda jiġri mill-għajn, aktar abbundanti minn qabel! Il-bdiewa serrħu rashom minn ħobżhom ta’ kuljum għax grazzi għall-ilma l-għelieqi tagħhom reġgħu ħadu l-ħajja mill-ġdid. Ġlorma żammet kelmtha għax ħalliet biżżejjed flus biex tinbena l-knisja ċkejkna ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu fil-post fejn hemm dik tal-lum.

Quddiem il-bieb tal-knisja hemm zuntier żgħir li joffri veduta verament sabiħa ta’ għelieqi u baħar li f’nofsu hemm il-gżira ta’ Filfla.

L-irdum qrib il-Fawwara baqa’ magħruf bħala Ġebel Ciantar bħala tifkira tal-proprjetarja Ġlorma li permezz tal-wegħda li għamlet ‘salvat’ lill-bdiewa min-nixfa.

Mill-pjazza tas-Siġġiewi sal-knisja tal-Karmnu, il-mixja hija twila madwar ħames kilometri. Wieħed jista’ jew imur lura mill-istess triq, inkella jibqa’ tiela’ l-Irdum li jieħdok għall-Girgenti u minn hemm jaqbad it-triq lura lejn is-Siġġiewi.

Scroll to Top
Send this to a friend