Ikun ta’ ġid kbir għal saħħitna li nidraw inqattgħu madwar siegħa mixi kuljum, qabel jew wara li nispiċċaw il-ġurnata tax-xogħol. Nitilqu kollox! Nilbsu żarbun adegwat u komdu, u nerħulha għal passiġġata qalb il-kampanja jew matul ix-xatt. Iffortunati li għandna xtut kemm irridu. Kampanja għad għandna wkoll u qatt ma hi daqshekk bogħod biex nimxu fiha, għalkemm din qed tinqered bit-tnaqqir tal-iżvilupp għal kull skuża ta’ xejn!
Importanti li nitgħallmu nħobbu l-mixi; daqshekk ieħor li ngħallmu lil uliedna l-importanza tiegħu, speċjalment meta l-obeżità qed issir problema kbira. U fejn l-isbaħ li timxi jekk mhux fil-beraħ tal-kampanja? Mar-Ramblers jien mhux biss gawdejt in-natura, imma fuq kollox imxejt f’postijiet li qatt ma kont naf bihom b’xenarju tal-għaġeb, fejn għal ftit sigħat tinsa kollox, waqt li tissoċjalizza ma’ nies li jafu japprezzaw is-sabiħ tan-natura.
Ilkoll nafu u nħossu li ħin mogħti għall-mixi hu ta’ benefiċċju kbir. Riċerka xjentifika llum wasslet biex tispjega kif in-natura hija ta’ fejda għas-saħħa tal-bniedem, u kif nistgħu ninkorporaw dan għal saħħitna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Mhux qed nirreferi biss għall-benefiċċju fiżiku, imma wkoll għal dak mentali u emozzjonali. Il-kobor u l-wesgħa enormi tal-kampanja u tal-baħar, waqt li nkunu qed nagħrfu u nifhmu l-immensità tagħhom, jaħdmu sfiq fuq il-menti u l-emozzjonijiet tagħna, ħafna drabi mingħajr ma nindunaw. Inkunu qegħdin nistagħġbu b’dan il-kobor enormi, u nnisslu qima u stima li jisfidaw ix-xeħta limitata u dejqa tad-dinja kif imdorrijin narawha mid-dar għax-xogħol fil-ħajja ta’ kuljum
Dan kollu jnissel fina sens ta’ hena, armonija u kuntentezza. Iwassalna biex inkunu aktar dħulin, inwessgħu l-orizzonti tagħna, u napprezzaw aktar dak kollu li hemm madwarna; nagħtu anqas importanza lilna nfusna, u naħsbu aktar f’dawk ta’ madwarna.
Ir-riċerka turina li dan is-sens ta’ tagħrif u apprezzament tal-kobor meraviljuż tan-natura nistgħu nibnuh f’kapaċità li tgħinna ngawdu aktar l-esperjenzi sempliċi u sbieħ ta’ ħajjitna – bħal, ngħidu aħna, is-sema mkewkba bil-lejl, il-mewġ ħafif tal-baħar imelles ir-ramel, jew il-mewġ imqalleb jitkisser mal-blat; it-tfal jilagħbu barra ferħanin, it-tlugħ jew inżul ix-xemx. . . .
L-Assoċjazzjoni Ramblers taħdem sabiex toħloq opportunitajiet biex kulħadd igawdi esperjenzi sbieħ u transformattivi, li l-immensità tal-ftuħ naturali taf tagħti lil min mgħallem jitgħaxxaq b’dak li hu sempliċi imma meraviljuż! Hija taħdem sfiq biex aħna nipproteġu dak il-ftit li baqagħlna mill-kampanja, u biex dak li hemm ikun aċċessibbli għal kulħadd. Tirsisti wkoll għal futur sostenibbli, ġust u ekwu.
Huwa indispensabbli li l-awtoritajiet jirrikonoxxu l-importanza tal-wirt naturali “tagħna lkoll.” Mhux sew li kull jum li jgħaddi nisimgħu bi sfreġju li qed jitwettaq f’isem il-progress. Barra minn hekk, ma nistgħux nibqgħu nordmu art għammiela u kampanja naturali bil-misħut konkos.
Ma tistax l-Assoċjazzjoni Ramblers ma tipparteċipax f’inizjattivi ambjentali kontra żvilupp mhux sostenibbli. Hi se tibqa’ taħdem bl-aspirazzjoni li tgħaqqad moviment mhux politiku biex jitrażżan l-isfreġju tal-wirt naturali tagħna. Amministrazzjoni wara l-oħra sa issa wegħdu ħafna bil-kliem imma ftit li xejn fatti, bil-konsegwenza li qed nitilfu għal dejjem l-ambjent naturali tagħna.