Aħna poplu kulturalment fqir? Sejrin lura jew ‘il quddiem? X’jista’ jsir biex insaħħu l-kultura tagħna u dak kollu li jsawwarna bħala Maltin? Il-Flimkien iltaqa’ ma’ Sean Buhagiar, li huwa d-Direttur Artistiku tat-Teatru Malta, kif ukoll produttur ta’ diversi avvenimenti kulturali. Għal sitt snin kien id-direttur artistiku tan- Notte Bianca.
Jidhirli li fejn tidħol il-kultura u l-arti, nagħmlu żball meta nitkellmu fuq in-nies jew fuq udjenza. Aħna ma nagħmlux l-istess żball meta nitkellmu fuq l-isports jew fuq l-ikel. Hemm ħafna udjenzi u nies differenti. Li tikkultura ruħek ma jfissirx li se jogħġbok kollox. Bniedem sportiv mhux bilfors jogħġbu kull sport u hekk fejn tidħol l-arti u l-kultura.
Għandna tendenza ngħidu li n-nies mhumiex ikkulturati, ma jħobbux l-arti. Xi tfisser li tkun ikkulturat? Għalija tfisser li int tapprezza dak li hu sabiħ, jispirak, li wkoll jiddisturbak, li jġagħlek taħseb jew ukoll jirrilassak.
Meta nitkellmu dwar kultura, ħafna Maltin jaħsbu biss fuq affarijiet tradizzjonali Maltin, il-festi, il-logħob tan-nar, id-drawwiet, il-bizzilla, l-ikel tipiku tagħna.
Il-kultura hija diffiċli tiddefinixxiha u m’għandekx tipprova. Hija xi ħaġa ħajja, u għandha x’taqsam mal-identità. Għalija l-aktar blokka importanti tal-kultura tagħna hija l-lingwa.
Il-lingwa Maltija
Sfortunatament tlifna l-kontroll totali tal-lingwa Maltija. Ħadna daqqa kbira. Il-lingwa taffetwa l-mod kif naħsbu u naġixxu, kif naraw id-dinja. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna umani għax għandna l-lingwa. Parti mill-kultura tagħna hija li aħna nitkellmu b’żewġ ilsna. Ma fiha xejn ħażin li jkollna l-Maltese-English, fejn naħsbu bil-Malti u nitkellmu bl-Ingliż bħalma qed jiġri f’pajjiżi oħrajn.
Imma għandna problema kbira li donnu ftit li xejn qed nitkellmu dwarha. Mhux qed nindunaw li l-lingwa Maltija qed tmut u se naslu li l-Malti ma hu se jibqa’ jitkellmu ħadd? Kemm qed nirsistu biex uliedna jitkellmu tajjeb bil-Malti? Hawn mhux morna l-baħar imma qed negħrqu!
Il-festi
Bħalma nsibu li jiġri f’ħafna mill-pajjiżi tal-Mediterran kollu, aħna għadna estremament influwenzati mir-Reliġjon Kattolika, minkejja li din qed tonqos. Kważi impossibbli ma ssemmix il-festi tal-qaddisin jew dawk marbutin mal-kalendarju Kristjan, bħall-Milied, l-Għid, l-Imnarja u sa ċertu punt il-Karnival. Dan kollu rridu nippreżervawh imma wkoll inġedduh u nsaħħuh.
U nistgħu nippreżervaw billi nieqfu nipproduċu affarijiet ġodda b’daqshekk intensità. Jekk inti qed tipprova biss toħloq dejjem il-ġdid, allura m’għandekx ċans tapprezza dak li diġà għandek, tkabbru u tadattah għaż-żmenijiet ta’ issa.
In-nies tal-arti qegħdin nagħmlu wisq affarijiet u nippretendu li nimlewhom kollha. Nonfqu eluf ta’ Ewro fuq produzzjoni u mbagħad jarawha ftit mijiet. Għandna kilba biex nagħmlu l-ġdid u m’għandniex l-istess ħeġġa biex nanalizzaw u nippreżevaw dak li diġà għandna sabiħ.
Jekk hemm xi ħaġa li tgħinna nifhmu min aħna hija li nifhmu x’għamlu ta’ qabilna. Rari ssib studenti li jafu x’sar fis-Snin Sittin fejn jidħol it-teatru sperimentali li seħħ dak iż-żmien.
Festi mill-Kunsilli
Fl-aħħar snin bdew ifaqqsu “l-festi kulturali” organizzati mill-Kunsilli Lokali. Jien noħlom li l-Kunsilli jsiru ċentri kulturali u jagħtu lura l-arti u t-teatru lin-nies. Il-problema hija l-kwalità, ħafna drabi orribli tagħhom, li hija agħar minn medjokri. Għadna ma wasalniex biex inqabbdu diretturi artistiċi li jkunu kapaċi jittrasformawhom f’attivitajiet ħafna aktar kreattivi. Hawn diversi żgħażagħ gradwati b’talenti kbar li mhux qed jiġu utilizzati biex jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol.
Professjonali u dilettanti
Kawża tal-isforzi tagħna biex insiru aktar professjonali hija li qed inwarrbu fil-ġenb l-amateurs. Tista’ tkun avukat, furnar jew ħajjata imma tkun ukoll kantant, żeffien, jew attriċi tajba ħafna. M’hemmx għalfejn li bilfors trid tkun professjonali. Jekk irridu li l-professjonalità tissaħħaħ għandna bżonn settur amatorjali b’saħħtu wkoll. Tista’ tagħmel affarijiet artistiċi popolari imma ta’ kwalità għolja.
Morna l-baħar ukoll fl-għażla tan-nies li jistgħu jinfluwenzaw kemm il-kultura tmur ‘il quddiem.
Il-post tal-Knisja
Il-venues tal-Knisja huma sbieħ immens u l-Knisja għandha ċertu dmir li biex issaħħaħ il-kultura tagħmilhom aktar disponibbli għal attivitajiet kulturali u artistiċi. Il-Knisja kienet kummissjonanta kbira tal-arti. L-arti kienet dejjem sostnuta mill-Knisja. Hu dmir tagħha li tibqa’ hekk u tikkollabora ma’ artisti li mhux neċessarjament huma fiċ-ċirku reliġjuż.
Il-baned
Dawn kemm qed ikunu verament benniena ta’ artisti mużikali? Il-każini qed jiġu sostnuti finanzjarjament mill-Istat. Insaqsi: dan kemm qed jissarraf fi kwalità artistika? Fejn hi l-preżenza tan-nisa fl-amministrazzjoni tal-każini? Għaliex m’għadhomx jattiraw daqshekk żgħażagħ lejhom? Dawn jistgħu imma, fuq kollox, għandhom ikunu benniena kulturali li jagħtu spazju għal forom differenti ta’ arti.