Il-mara Maltija għadha ma laħqitx il-milja tagħha fil-festi tagħna.

207 | Ġunju 2022

Dr Mariella Mizzi hija l-President tat-12th May Band & Social Club ta’ Ħaż Żebbuġ, li barra l-banda jieħu ħsieb ukoll l-armar, in-nar tal-festa, u affarijiet oħra. Sa issa serviet għal 18-il sena, u tħoss li l-kelma tagħha fil-Kumitat Eżekuttiv tal-każin tagħha hija stmata u qatt ma ħasset xi żvantaġġ minħabba li hija mara.

Stqarret magħna li mhix kuntenta li ħafna nisa jillimitaw l-involviment tagħhom fil-każini għall-ħjata u attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi u ma jimbuttawx ruħhom biex jagħti sehem iktar ċentrali minbarra dan ix-xogħol li tipikament u tradizzjonalment jagħmlu. Ħafna nisa huma kapaċi joffru ħafna iktar minn dan.

Ir-rabta tagħha mat-12th May Band and Social Club hija waħda naturali għaliex sa min-nanniet paterni tagħha kienu miġbuda aktar lejn dan il-każin  u għalkemm il-ġenituri tagħha ma kinux attivi bħalha, hija dejjem involviet ruħha, l-aktar għax kien jinteressaha dak kollu li jiġri fir-raħal tagħha.

Dr Mizzi qalet li n-nisa huma kapaċi u għandhom ikunu mħeġġa biex jinvolvu ruħhom aktar fil-livell organizattiv. B’sodisfazzjon qalet li issa fil-kumitat li tmexxi hi hemm mara oħra li mhux talli hija membru imma hija wkoll viċi kaxxier u delegat tal-banda, apparti li hija bandista.  Tispera li maż-żmien jiżdiedu n-nisa b’mod naturali, mingħajr il-bżonn tal-impożizzjoni ta’ kwota.

Spjegat li sakemm tibqa’ l-idea li l-membri tal-kumitat ċentrali jkunu dawk li jagħmlu x-xogħol manwali li jkun meħtieġ bħal manutenzjoni fis-sede, armar, nar u xogħol ieħor li normalment isir mill-irġiel, in-nisa se jibqgħu lura milli jippreżentaw ruħhom għal pożizzjoni fil-kumitat eżekuttiv. Il-kumitat eżekuttiv għandu jkun prinċipalment dak li jamministra, li jieħu d-deċiżjonijiet. Pero’ n-nuqqas ta’ nies li joffru ruħhom voluntiera ma jgħinx biex ikun hemm distinzjoni bejn dak li jamministra u dak li jattwa x-xogħol.  Dr Mizzi qalet li hawn ħafna nisa li għandhom ħiliet fit-tmexxija u li għandhom ħafna x’joffru fl-organizzazzjoni tal-festa. Jagħmlilha ħafna kuraġġ il-fatt li fis-sezzjonijiet taż-żgħażagħ illum hemm ħafna inqas segregazzjoni bejn it-tfajliet u l-ġuvintur, u x-xogħol ħafna drabi jinqasam bejniethom irrispettivament mill-ġeneru tagħhom. Dan jawgura tajjeb għall-futur.

Semmiet kif hi stess kienet assertiva meta fi tfulitha, aktar minn 50 sena ilu, tħajret tagħmel bħall-kuġini subien tagħha u bħal ħuha u tibda titgħallem strument mal-banda. Għall-ewwel is-Surmast kien qalilha li l-bniet ma kinux jiġu aċċettati. Imma mbagħad bl-insistenza tagħha kellem lill-Kumitat li aċċetta u eventwalment ħarġu jdoqqu numru ta’ bniet, mhux hi biss. Illum insibu ħafna bandisti nisa fil-baned kollha ta’ Malta u Għawdex.

Madankollu qalet li meta jkun hemm laqgħat tal-Għaqda tal-Każini tal-Banda, ir-rappreżentanza femminili tkun baxxa ħafna. Dr Mizzi stqarret li bħala President tal-Każin 12th May tħossha milqugħa u rispettata u involuta f’kull deċiżjoni li tittieħed matul is-sena, mhux biss fil-festa. Żiedet tgħid li tara interess qawwi min-nisa u semmiet bħala eżempju kif in-nisa tal-każin qegħdin anke jerfgħu fl-istatwa ta’ San Filep li hija tal-każin meta din tittella’ fuq il-pedestall tagħha nhar l-ewwel tridu. 

Dwar il-piki fil-festi, Dr Mizzi qalet li sakemm dawn ma jikkawżawx bluhat u inkwiet, ma fihom xejn ħażin, anzi temmen li l-akkanitiżmu jżomm l-entużjażmu ħaj u jkabbar il-festa. Dr Mizzi stqarret li bejn il-każin tagħha u ż-żewġ każini l-oħra ta’ Ħaż-Żebbuġ hemm relazzjoni kordjali ħafna, u minkejja l-pika ta’ xi partitarji, li dejjem tkun kontrollata u mrażżna mid-diriġenti rispettivi, qatt ma kien hemm inkwiet jew ġlied serju. Anzi hi tħoss li l-imġiba tad-delittanti Żebbuġin għandha sservi ta’ eżempju għal min forsi jaqbeż il-limitu.

Semmiet kif f’Ħaż-Żebbuġ isiru laqgħat bis-sehem tal-każini mal-Arċipriet bi tħejjija għall-festa u anke wara l-festa. Qalet li l-kontribut tal-Eks Arċipriet Dun  Daniel Cardona f’dawn il-laqgħat kien importanti għaliex bil-għaqal tiegħu dejjem mewwet xi xrara qabel tikber. Dr Mizzi qalet li għalkemm għadu kmieni biex titkellem fuq l-Arċipriet il-ġdid Dun Albert Buhagiar għax għad irid ikollu l-ewwel festa, mil-laqgħat li saru diġà jidher li t-tmexxija tiegħu se tkun waħda soda. Bħal Fr Cardona, Fr Buhagiar għandu tattika tajba li jisma’ lil kulħadd, jieħu s-suġġerimenti, iżda mbagħad ikun sod fid-deċiżjoni li jieħu.  Prinċipalment il-festa hija tal-Knisja, u għaldaqstant irid jingħata ħafna valur lil dak li jiddeċiedi l-Arċipriet.  

Fil-bidu tal-istaġun tal-festi, Dr Mizzi qalet li s-soċjetajiet mużikali jagħmlu sew, anzi għandhom id-dover, li jħeġġu lill-membri tagħhom biex jagħtu importanza lill-aspett religjuż u devozzjonali tal-festi li tieħu ħsiebu il-Knisja.  Fl-istess waqt saħqet fuq l-importanza li l-każini jkomplu jkabbru u jikkultivaw l-aspett tradizzjonali u folkloristiku tal-festi anke għall-ġid tal-pajjiż.

Scroll to Top
Send this to a friend