Fix-xhur tas-sajf Għawdex ikun miżgħud bil-Maltin li jitilgħu għal ftit jiem ta’ mistrieħ. Is-Santwarju Ta’ Pinu wkoll jara żieda qawwija ta’ individwi u familji li jżuru dan is-santwarju għażiż.
Ħadna l-okkażjoni biex nitkellmu mal-pellegrini u nistħarrġu x’jgħaddi minn moħħhom meta jirfsu fis-Santwarju Ta’ Pinu. Min-nies li tkellimna magħhom, ħadd ma qal li jmur hemm biex jimxi fuq il-passi tal-Papiet, li f’aktar minn okkażjoni waħda żaruh biex iqimu x-xbieha devota tal-Madonna Ta’ Pinu.
Għalkemm il-pellegrinaġġi tal-Papiet f’dan is-santwarju huma xhieda tal-fidi fil-ġrajja ta’ dan is-santwarju, il-Maltin u l-Għawdxin li jżuru Ta’ Pinu huma daqstant ieħor prova awtentika tal-fidi li l-poplu ta’ dan il-gżejjer għadu jgħożż.
Meta staqsejna lill-pellegrini ta’ kull età għalfejn jiġu Ta’ Pinu, uħud stqarrew li jżuru dan is-santwarju biex jitolbu xi grazzja.
“Ikun ġej xi riżultat mediku u ngħid lil Marija Santissima biex ikun riżultat pożittiv, jew inkun għaddejja minn xi ħaġa u jkolli bżonn l-għajnuna, jew inħossni ftit stressjata u nitlob lill-Madonna biex iżżomm idejha fuqi.”
“Inżur lill-Madonna, nirringrazzjaha, u nitlobha tkompli tgħinni għal matul is-sena.”
Oħrajn qalu bla tlaqliq li meta jkunu Għawdex iżuru Ta’ Pinu biex fil-ġabra ta’ dan is-santwarju u f’riġlejn il-kwadru tal-Madonna, jirringrazzjawha.
“Niġi nirringrazzjaha għax għamilna wegħda u qlajnieha 12-il sena ilu. Dejjem niġu biex nibqgħu nirringrazzjawha”.
“Huwa għalija oasi ta’ paċi, li fil-ħafna taqlib tal-ħajja li għaddejt minnu – kważi sentejn ilu tlift lil ibni f’inċident ikrah – hawnhekk niġi u nsib is-serħan. Il-Madonna żgur taf id-dulur li għaddejna minnu, għax hi bħali tilfet lil Binha.”
“Niġi kull nhar ta’ Ħadd għall-quddiesa, u kull nhar ta’ Erbgħa biex nirringrazzja lill-Madonna għall-ġimgħa sabiħa li tkun tatni, jew għal xi grazzja li tkun qalgħetli.”
“Kull meta nitilgħu Għawdex, ‘it’s a must’ li tiġi hawn qabel tkompli l-ġurnata. Iktar infittxuh mindu kellna t-tifel. Kien għadu lanqas twieled, u kumbinazzjoni ġejna hawn u kien hawn it-Tberik tat-Trabi fil-Ġuf, anqas konna nafu. Kienet esperjenza sabiħa u bqajna niġu nfittxuh meta niġu Għawdex.”
“Aħna mgħallmin li jkollok xi wegħda, ringrazzjament… hi ħaġa sabiħa li la ġejt sa Għawdex, tiġi sal-Knisja Ta’ Pinu. Hemm spirtu reliġjuż fina. U kellna bżonn wegħda u qlajnieha.”
Il-persuni li tkellimna magħhom iqisu dan il-post ta’ qima bħala post ta’ devozzjoni u ġabra. Hawn isibu l-wens u sabar fejn jistgħu jirriflettu fuq it-twemmin u l-fidi tagħhom.
“Huwa post fejn ninġabar mal-familja, nitlob ftit, immur għall-quddiesa. Huwa post ta’ ġabra.”
“Hu post qaddis.”
“Huwa post fejn tħoss ċerta serenità u trankwillità. Tinqata’ naqra mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Huwa post ta’ devozzjoni u tħoss fih ċertu rilassament.”
L-eluf ta’ pellegrini li kull sena jitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu ma jagħmlux dan b’folkor jew bi tradizzjoni. Ċertament dan mhux biss kult reliġjuż li kiber matul is-snin bl-istejjer marbutin ma’ dal-post ta’ devozzjoni, izda huwa xhieda ħajja ta’ fidi u twemmin li għandu l-għeruq tiegħu fost firxa kbira tal-Maltin u l-Għawdxin.
Reno Bugeja