Għaxar snin ta’ ħniena u tama

215 | Mejju/Ġunju 2023

Il-bidla tenera tal-Papa Franġisku

Wara t-terremot mhux mistenni tar-riżenja tal-Papa Benedittu XVI, għaxar snin ilu tfaċċa Papa ġdid fil-gallarija tal-Bażilika ta’ San Pietru. Il-Papa Bergoglio, li għażel li jieħu l-isem ta’ Franġisku, il-fqajjar ta’ Assisi, ġie minn kontinent “ġdid”, anzjan, mhux nieqes mill-piż, ibati mix-xjatika. Madankollu, xorta waħda kien jidher żagħżugħ frisk u attraenti: fuq wiċċu kellu tbissima li tiġbdek; kellu tendenza li jgħannaq. Iż-żarbun li jilbes ma kienx ta’ lewn aħmar jew abjad imma sempliċi u jinqafel bil-lazz; għażel li jiġi misjuq f’karrozza żgħira, Ford Focus. Iddeċieda li jmur joqgħod mhux f’palazz imma f’kamra ordinarja ta’ ħostel.

Deher bħal donnu li jitkellem dak li jiġih f’moħħu mingħajr ma jqis il-konsegwenzi. Kmieni fil-papat tiegħu, meta kien mistoqsi dwar qassis omosesswali, wieġeb: “min jien biex niġġudika?” Dawk l-erba’ kelmiet, ħafna drabi maħruġin u mġebbda mill-kuntest li fih intqalu, ittimbraw il-papat ta’ Franġisku. Bla dubju dik it-tweġiba ferħet lil ħafna, imma allarmat lil mhux ftit.

Mill-ewwel deher jappella kemm għall-Kattoliċi kif ukoll għal insara oħrajn, għal nies ta’ reliġjonijiet oħra, saħanistra anki għal dawk bla ebda twemmin. Intagħżel mir-rivista influwenti Amerikana Time bħala l-Persuna tas-Sena. Deher fuq il-faċċata tar-Rolling Stone. Ir-rivista Fortune għażlitu r-raba’ wieħed f’lista ta’ ħamsin tal-aktar mexxejja importanti fid-dinja. 

Sa mill-bidu Franġisku wera x-xewqa ta’ Knisja aktar inklussiva, li tħaddan fiha lill-fidili kollha, anki lil dawk li qed isofru, jiddubitaw, mhux qed jimxu strettament mat-tagħlim u d-drawwiet kattoliċi. “Nippreferi Knisja li hija mbenġla, imweġġa’, u maħmuġa, milli Knisja li mhijiex b’saħħitha minħabba li hija magħluqa u sserraħ fuq is-sigurtà tagħha stess.” Kliem bla kantunieri!

Fil-Ferħ tal-Vanġelu, l-ewwel kitba tiegħu indirizzata lid-dinja kollha, qal li għandu ħolma ta’ “għażla missjunarja li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni.” Biex nimxu ‘l quddiem irridu ninbidlu, anzi nbidlu “kull ħaġa!”

Sa mill-bidu wkoll beda jinsisti li “Alla ma jegħja qatt jaħfer; aħna li negħjew nitolbuh iħenn għalina.” Mhux ta’ b’xejn li ppjana Ġublew tal-ħniena, kompassjoni, maħfra, tenerezza.

Hu xtaq li l-Papat tiegħu jissarraf fi Knisja li tisma’, li twarrab kull sens awtoritarju u tagħti spazju lill-fidili kollha biex jaħdmu fit-tiġdid kontinwu tagħha. Fi kliem ieħor, Knisja Sinodali. Fehem u qed ifiehem li ma jistax ibiddel lill-Knisja waħdu. Dan ifisser li l-Knisja m’għandhiex bżonn ta’ super-mexxejja, imma ta’ mexxejja umli li jinkoraġġixxu lill-imgħammdin kollha, ġerarkija, kleru u lajċi biex jikkollaboraw u jipparteċipaw flimkien fit-tisħiħ tagħha.

Il-Papa Franġisku ntlaqa’ tajjeb mill-bidu. Il-messaġġ tiegħu ta’ ħniena u tama niżel għasel f’ħafna widnejn. Madankollu, huwa sar il-mira ta’ kritika ħarxa ta’ grupp limitat ta’ isqfijiet, saċerdoti u lajċi, ġurnalisti, saħansitra kardinali li bdew jakkużawh li qed iwassal lill-Knisja f’ereżija u xiżma. Oħrajn bdew jixluh u jistaqsu fejn hija t-tolleranza żero fejn jidħlu l-abbużi sesswali fil-Knisja.

Bla dubju din il-kriżi hija l-akbar waħda li l-Knisja kellha tħabbat wiċċha magħha f’dawn l-aħħar sekli. Imma hemm kriżijiet oħrajn – serji! Minkejja li n-numru uffiċjali ta’ Kattoliċi huwa ta’ 1.3 biljun persuna, dan jinkludi fih għadd vast ta’ dawk li huma insara biss tal-isem, li waqfu jipprattikaw il-fidi, li huma skoraġġuti, diżillużi bil-mexxejja tal-Knisja. Dan narawh b’mod speċjali fl-Ewropa, inkluż f’pajjiżna.

F’dawn l-aħħar għaxar snin minn kemm ilu li Franġsiku beda jmexxi l-Knisja, l-isfidi ma naqsux. Anzi! Biżżejjed insemmu n-nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet saċerdotali, l-attendenza dejjem nieżla tal-quddies, id-dehra ta’ skandlu wara l-ieħor u tant “muntanji” kbar li jfiġġu minn żmien għal żmien.

Imma Franġisku bla dubju qed jagħmel differenza fil-Knisja u fid-dinja: ir-reazzjonijiet tiegħu għall-kriżijiet internazzjonali li jinkludu l-faqar, it-tbatija tal-immigranti, il-preġudizzji razzjali, il-pandemija, u l-konsegwenzi koroh tal-bidla fil-klima. Leħnu jinstema’ u jisfida!

Issa għandu 86 sena! Bilkemm jiflaħ jimxi. Għadu jsiefer. Jippubblika dokumenti u kitbiet bla waqfien. Jippriedka. Jiltaqa’ mal-kbarat u nies sempliċi. Jipparteċipa f’intervisti. Imma, fuq kollox, iqatta’ sigħat sħaħ jitlob fis-sigriet.

Franġisku għadu għaddej bħal ġerrej ta’ maratona twila – hemm isib min iċapċaplu u jinkoraġġih, imma jsib ukoll min bl-ostilità u t-tmasħin tiegħu jaqtagħlu nifsu.

Madankollu, l-għajta tiegħu li “f’Alla l-ġustizzja hija ħniena u l-ħniena hija ġustizzja” se tibqa’ tidwi tant li twassal biex il-Knisja tkompli tkun id-dawl tal-ġnus.

Scroll to Top
Send this to a friend