knisja.mt/ritratti

“Il-komunità li titlob flimkien, tibqa’ flimkien”

210| Ottubru 2022

L-Arċipriet Dun Eucaristo Zammit

Twelidt is-Siġġiewi fl-1980 u bħal donnu l-vokazzjoni għas-saċerdozju twieldet miegħi. Madankollu, din sabet art fertili fil-Mużew u fil-grupp tal-abbatini tal-parroċċa. Hemm sibt min jiggwidani u jgħinni nasal biex niddeċiedi li nibda t-triq ta’ tħejjija għas-saċerdozju.

Ġejt ordnat saċerdot ta’ 27 sena u l-ewwel ħidma tiegħi kienet bħala Viċi fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, sakemm issejjaħt biex inservi bħala Kappillan ta’ Ħad-Dingli. Ftit aktar minn sitt snin ilu, l-Arċisqof sejjaħli biex inservi bħala Arċipriet fil-parroċċa ta’ San Bastjan, Ħal Qormi. Minkejja s-similaritajiet tagħhom, xorta waħda dawn il-parroċċi, anki fl-istess belt, joffru sfidi differenti. U għalhekk bħala kappillan trid tkun dejjem lest li titgħallem u tadatta ruħek għal ċirkustanzi differenti.

Kuljum inqum fil-5: 30 ta’ filgħodu u pront nerħilha lejn il-Knisja Parrokkjali. Hawn għad għandna numru ta’ quddisiet kull filgħodu, imma qabel insib ċans biex nitlob it-talb personali tiegħi quddiem Ġesù Sagramentat. Dan hu ħin indispensabbli għalija. Għax mingħajru kif tista’ tħabbat wiċċek ma’ dak kollu li tkun se tiltaqa’ miegħu matul il-jum?

Bħala parroċċa nagħtu importanza kbira liċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija, li hija l-lifeline tal-komunità. Din tirrikjedi li jkollna l-knisja sabiħa, nadifa, u li tilqgħek. Titlob ukoll tħejjija u impenn minn diversi persuni. Mumenti speċjali għall-parroċċa huma l-Lectio Divina kull nhar ta’ Tnejn, li tkun dejjem dwar il-Vanġelu tal-Ħadd ta’ wara. Personalment, tgħinni immens biex imbagħad inkun nista’ nħejji aħjar l-Omelija. Il-mument l-ieħor huwa adorazzjoni komunitarja ta’ siegħa li ssir kull nhar ta’ Ġimgħa. Kif jingħad għall-familja, hekk ukoll għall-parroċċa – komunità li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.

Mill-esperjenza tiegħi fi tliet parroċċi differenti, il-Maltin għadhom iħobbu u jfittxu lis-saċerdot, speċjalment fil-mument diffiċli ta’ ħajjithom. Bla dubju tiltaqa’ ma’ ċerta rabja jew indifferenza, imma din hija aktar lejn l-istituzzjoni milli lejn is-saċerdot per sè. U hekk, mhumiex ftit dawk li javviċinawk bil-problemi, id-dwejjaq u l-uġigħ tagħhom. Il-Maltin għadhom jgħożżu immens l-għaqda fil-familja u meta din tixxellef ħafna jirrikorru għandna għall-pariri u biex jaqsmu magħna d-diżappunti tagħhom.

Bħala ragħaj tal-parroċċa nħossni niddejjaq ħafna meta nara persuni li tbiegħdu mill-Knisja, jew li huma indifferenti lejn il-fidi, jew li jagħtu ħafna aktar importanza lil ħwejjeġ li mhumiex essenzjali milli lejn relazzjoni personali u intima ma’ Ġesù.

Mill-banda l-oħra, jagħtuni sodisfazzjon kbir it-tfal u ż-żgħażagħ fl-attivitajiet organizzati għalihom. Meta wkoll nara żgħażagħ li qegħdin ifittxu u jsibu l-ferħ tagħhom f’Ġesù, allura dan jagħmilli ħafna kuraġġ biex inkompli naħdem fl-għalqa tal-Mulej.

Għalija huwa indispensabbli l-appoġġ li nirċievi minn diversi individwi, u minn grupp żgħir ta’ saċerdoti li niltaqgħu flimkien biex naqsmu dak li nkunu għaddejjin minnu u nagħtu sostenn lil xulxin.

Il-familja tiegħi wkoll tieħu ħsieb sewwa l-bżonnijiet materjali tiegħi. U ta’ dan grat immens.

Nipprova li l-ġurnata ma nħallihiex tgħaddi mingħajr ma nkun għamilt mixja, ikun x’ħin ikun, anki tard bil-lejl! Propju nħalli t-talba tar-rużarju għal dak il-ħin.

Ikun joqrob nofs il-lejl x’ħin immur norqod. Għajjien imma sodisfatt li nkun qdejt dmiri kif mixtieq mill-Mulej.

L-aqwa parir li qatt irċevejt:          Aħjar tinżel tarġa milli tipprova titla’ waħdek. Tibżax mill-umiltà.

Parir li tħobb tagħti:              Tibżax tkun dak li int.

Scroll to Top
Send this to a friend