Fr Ronnie Zammit
Fr Ronnie Zammit twieled Ħ’Attard fl-1982 u ġie ordnat saċerdot fl-2009. Serva fil-parroċċa ta’ Sant’Elena, Birkirkara u viċi-Kappillan ta’ Ħal Tarxien. Bejn l-2013 u l-2017 serva ta’ Kappillan fil-Kalkara u wara, erba’ snin viċi-rettur tas-Seminarju Maġġuri. Fl-2021 beda jservi bħala Kappillan ta’ Santa Luċija.
Jien ngħix waħdi fid-dar Parrokkjali. Inqum fil-5:00am u nibda l-ġurnata b’tazza ilma u t-talb personali tiegħi. L-ewwel żjara tkun dejjem fil-Knisja fejn inqaddes fit-
8:00 am. Imbagħad tibda l-ħidma normali bħal ta’ kull kappillan ieħor – tqarbin tal-morda, laqgħat mal-helpers, laqgħat ma’ persuni individwali, funerali, u laqgħat oħrajn bħal ngħidu aħna tal-kulleġġ tal-kappillani, u kummissjonijiet oħrajn.
F’ħajti kelli x-xorti li nirċievi ħafna eżempji sbieħ minn diversi saċerdoti li għenuni biex nagħżel din il-vokazzjoni. Sfortunatment meta jfiġġ xi każ negattiv itappan il-ħafna ġid li jsir u jnessi l-ħajja qaddisa ta’ ħafna u ħafna saċerdoti.
Il-ħidma amministrattiva hija dejjem uġigħ ta’ ras. Il-bini tal-Knisja jirrikjedi spejjeż kbar rikorrenti u ta’ manteniment kontinwu. Niddejjaq ħafna nagħmel appelli għall-ġbir. Imma fl-aħħar mill-aħħar il-kontijiet iridu jitħallsu.
Il-parruċċani huma l-ħajja tal-parroċċa, mingħajrhom tkun biss istituzzjoni jew ġebel vojt. Santa Lucija toffri sfida partikolari għax il-maġġoranza tal-parruċċani huma anzjani. Biżżejjed ngħid li din is-sena kellna biss għaxar magħmudijiet li xi wħud mill-ġenituri tagħhom lanqas biss huma residenti hawn, imma mbagħad kellna tletin funeral. Ftit huma dawk il-familji residenti li qed irabbu u għalhekk ftit li xejn hawn tfal.
Ninkwieta immens meta nara ċertu bruda fil-prattika tal-fidi. Ninkwieta wkoll meta naf li hawn diversi parruċċani li sfortunatament ma joħorġux u sa issa għad m’għandniex kuntatt magħhom.
L-aktar sodisfazzjon li jagħtini s-saċerdozju huwa meta ngħin lil xi ħadd u narah jiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li jkun fiha, tista’ tkun spiritwali jew materjali. Li nkun għamilt differenza f’ħajja ta’ persuna oħra timlieli qalbi bil-ferħ. Nifraħ ħafna wkoll meta nara persuna li tkun birdet u forsi tbiegħdet mill-knisja u mill-ħajja spiritwali u nerġa’ naraha lura.
Bla dubju, ċerti sfidi jikkawżawlek qtigħ il-qalb. Kif diġà għedt, l-amministrazzjoni tal-parroċċa trid issir, imma sfortuntament mhux dejjem tħallilek enerġija u ħin biżżejjed għal aktar ħidma pastorali. L-ewwel missjoni tas-saċerdot hija “il-kura tal-erwieħ”. Imma fil-bidu tal-ħidma pastorali tagħna, aħna l-kappillani nwiegħdu wkoll li nieħdu ħsieb il-patrimonju kulturali tal-parroċċa. U dan jirrekjedi ħafna xogħol.
F’Santa Luċija m’hawnx festa parrokkjali kif tradizzjonalment imdorrijin biha. Imma xorta waħda l-parroċċa trid tipprova toħloq sens komunitarju. U għalhekk nippruvaw nagħmlu dan b’diversi mezzi bħal ħarġiet, laqgħat għar-romol, u diversi inizjattivi oħra.
Darba f’ġimgħa immur inżur lill-familja tiegħi f’H’Attard u normalment nhar ta’ Ħadd jiġu huma. Mhux l-ewwel darba li nniżżel “proviżjon” ta’ ikel miegħi. Imma nieħu gost ħafna meta ngħid, “illum għandi siegħa ċans u ħa nsajjar xi ħaġa jien.” Qatt ma qtajt qalbi li se mmut bil-ġuħ!
Fil-bidu tal-ġimgħa nibda nħaseb dwar l-omelija tal-Ħadd ta’ wara. Nipprova ndaħħal fiha esperjenzi li niltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. L-omelija hija okkażjoni li biha qed tlaqqa’ ammont kbir ta’ nies mal-Kelma ta’ Alla.
Biex nistrieħ inħobb nimxi però jogħġbuni ħafna dawk l-affarijiet marbutin mal-baħar bħalma huwa l-‘kayaking’. Meta jkolli ftit tal-ħin nipprova nagħmel dan.
Insib għajnuna kbira minn grupp żgħir ta’ saċerdoti li niltaqgħu flimkien regolarment. Televiżjoni ftit li xejn nara. L-aħbarijiet naqrahom! Norqod għal ħabta tal-11:00 pm: għajjien imma kuntent li nkun għamilt b’fedeltà dak mistenni minni.